Reġistrati l-akbar numru ta’ jottijiet f’46 sena

Reġgħet waslet edizzjoni oħra tar-Rolex Middle Sea Race, organizzata mir-Royal Malta Yacht Club.
Din it-tellieqa se tibda għada fil-ħdax ta’ filgħodu fil-Port il-Kbir.
Din is-sena ‘l fuq minn 120 jott se jtajru l-bnadar ta ' 24 pajjiż differenti, biex din tkun l-akbar flotta f’46 sena.
Ta’ min jgħid li din it-tellieqa hija waħda mill-isbah tlielaq tal-ibburdjar fid-dinja.
Ippustjati min tarf sa tarf, il-flotta jiffurmaw linja ta ' jottijiet impressjonanti, 1800 metru, darbtejn ogħla mil-magħruf Burj Khalifa.
Tibda u tispiċċa f’Malta, il-korsa li fiha 608 mili, tara il-jottijiet jerħula lejn Sqallija u l-gżejjer tal-madwar tagħha.
Il-flotta internazzjonali ta' jottijiet ser ikunu ekwipaġġati minn taħlita ta baħħara ta’ kalibru fosthom atleti li kkompettew fl-Olimpjadi, America’s Cup, u tlielaq oħra madwar id-dinja.
Hemm ukoll baħħara li għalkemm mhumiex klassifikati fuq livell professjonali, huma kkunsidrati ta’ kalibru għoli u huma passjonati kbar ta’ dan l-isport.
Dawn il-baħħara jikkompetu regolarment f’dawn it-tip ta’ tlielaq.
Godwin Zammit, Commodore tar-Royal Malta Yacht Club, qal li din is-sena hemm żieda rekord ta’ 20% fuq is-sena li għaddiet.
Għalhekk għada mid-disgħa ta’ filgħodu l-Port il-Kbir se jkun magħluq għall-bastimenti kollha, minbarra dawk awtorizzati.
Il-jottijiet ser jibdew jinġabru fil-Port il-Kbir mill-għaxra ta’ filgħodu.
Fil-10:50am jingħata l-ewwel sinjal ta' twissija.
Il-flotta se tkun imqassma f'ħames klassijiet li jibdew f’intervalli skedati, ta’ 10 minuti kull wiehed.
Il-jottijiet bl-iktar ħinijiet veloċi, jitilqu l-aħħar.