Reġistrati 1,635 persuna li huma neqsin mid-dawl – Farrugia Portelli

Il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja Julia Farrugia Portelli qalet li hemm total ta’ 1,635 persuna li għandhom nuqqas ta’ dawl fil-pajjiż. Dawn ivarjaw minn nuqqas parzjali sa nuqqas totali ta’ vista. Spjegat kif din id-distinzjoni ma tinżammx fir-rekords tal-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità (CRPD) peress li mhix meħtieġa għall-finijiet tar-reġistrazzjoni magħha.

Farrugia Portelli qalet dan hija u twieġeb mistoqsija mid-Deputat Nazzjonalista Kevin Cutajar. Cutajar staqsa kemm hawn persuni li huma neqsin mid-dawl f’Malta u talab ukoll dettalji relatati fosthom l-etajiet, is-sess u l-lokalità ta’ dawn in-nies.

Skont l-informazzjoni li ġiet imressqa wara din il-mistoqsija parlamentari nsibu li hemm 743 raġel u 892 mara li huma neqsin mid-dawl reġistrati mal-Kummissjoni. Fost dawn insibu 73 li huma taħt it-18-il sena filwaqt li 1,051 li huma anzjani. F’Malta hemm irreġistrati 1,485 persuna filwaqt li f’Għawdex hemm irreġistrati 150.