Reġimi awtoritarji jqisu lil Alla bħala theddida

L-Arċisqof Paul Gallagher, Segretarju għar-Relazzjonijiet tal-Vatikan mal-Istati, jitkellem mas-Segretarju tal-istat Amerikan Mike Pompeo waqt symposium li sar nhar l-Erbgħa li għadda fil-Vatikan.

Is-Segretarju tal-Istat Amerikan, Mike Pompeo, ikkundanna r-reġimi awtoritarji u l-mexxejja tagħhom, fost Cuba, l-Iran, iċ-Ċina u s-Sirja u akkużahom b’ripressjoni reliġjuża għax ma jirrikonoxxux li jeżisti xi ħadd akbar minnhom.

“Meta stat jiggverna b’mod assolut, Alla jsir theddida kbira għall-din l-awtorita.  Kien għalhekk li Cuba ħassret il-Jum Nazzjonali taż-Żgħażagħ Kattoliċi f’Awwissu li għadda.  Meta stat jiggverna b’mod assolut, tintrifes id-dinjità umana minflok tkun imħarsa.  Għalhekk Assad joqtol lill-poplu tiegħu stess u ma jimpurtaħx mill-11-il miljun Sirjan bla dar jew refuġjat”.

“Meta l-Istat jiggverna b’mod assolut in-normi morali jintremew kompletament. Għalhekk ir-Republika Islamika tal-Iran, tefgħet il-ħabs, ittorturat u qatlet eluf miċ-ċittadini tagħha tul 40 sena sħaħ. Meta stat jirrenja b’mod assolut, iċ-ċittadini jkollhom jaduraw lill-Gvern u mhux lil Alla. Għalhekk iċ-Ċina poġġiet aktar minn miljun Musulman fil-kampijiet tal-internament u għalhekk titfa’ l-qassisin insara l-ħabs”, sostna Mike Pompeo.

Libertà Reliġjuża

“Il-Libertà Reliġjuża tkun mhedda wkoll meta tiggverna maġġoranza intolleranti.  Għalhekk il-forzi tas-sigurtà ta’ Burma tellqu mijiet ta’ eluf ta’ Musulmani Rohingya ‘l barra minn djarhom b’mod vjolenti u brutali”, qal is-Segretarju tal-Istat Amerikan.

Pompeo għamel dawn id-dikjarazzjonijiet waqt symposium organizzat mill-Vatikan u l-Ambaxxata tal-Istati Uniti għall-Vatikan bit-tema: “Toroq biex tinkiseb id-Dinjità Umana bi sħubija ma’ Organiżazzjonijiet Reliġjużi”.

Fis-symposium kien hemm tliet ‘panels’ li urew kif il-Gvernijiet u istituzzjonijiet oħra jistgħu jissieħbu ma’ organiżazzjonijiet reliġjużi biex jaħdmu għal-liberta’ reliġjuża,  jiġġieldu kontra t-traffikar uman u joffru għajnuna umanitarja.

Preżenti fost dawn kien hemm l-Arċisqof Paul Gallagher, is-Segretarju tal-Vatikan għar-Relazzjonijiet mal-Istati. Huwa qal li “ħadd m’għandu jħossu jew ikun trattat bħala ċittadin tat-tieni klassi minħabba t-twemmin reliġjuż tiegħu” filwaqt li nnota li ħafna nies fid-dinja m’għandhomx libertà reliġjuża.

Protezzjoni tad-drittijiet umani

L-Arċisqof qal ukoll li l-enfasi ewlenija tal-libertà reliġjuża m’għandhiex tkun “politika jew ideoloġika”, imma li “nipproteġu d-drittijiet umani” u l-ko-eżistenza paċifika.

Mons. Gallagher qal ukoll li meta l-individwi u l-komunitajiet ikollhom garantiti d-drittijiet tagħhom, ikunu ħielsa mhux biss li jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom, imma anke jikkontribwiddi għas-soċjetà b’mod ġenerali.

L-Arċisqof tkellem ukoll dwar it-traffikar uman li jolqot lil bejn 20 u 30 miljun persuna madwar id-dinja u ddeskriva din l-industrja bħala “l-aktar attivita’ kerha u kundannabbli llum” u wissa’ li dawk li jittraffikaw lin-nies “ma għandhomx skrupli”.

Dwar l-għajnuna umanitarja, l-Arċisqof Gallagher qal li l-aġenziji Kattoliċi tal-karità ma jiddistingwux bejn dawk fil-bżonn u rringrazzja lil dawk li jgħinu lil dawn l-aġenziji, fosthom gvernijiet li jiffinanzjaw proġetti speċifiċi.

l-Arċisqof innota li l-finanzjament mill-gvernijiet kultant “ikun marbut ma rabtiet ideoloġiċi fuq min jibbenefika minnu” u sostna li dan inaqqar il-valur morali tan-nies li jridu jgħinu.

Is-sympoisum kien wieħed min-numru ta’ attivitajiet organizzata mill-ambaxxati tal-Istati Uniti biex tfakkar il-35 anniversarju tar-relazzjonijiet diplomatiċi mal-Vatikan li kienu bdew mill-Papa Ġwanni Pawlu II u l-President Ronald Reagan meta kienet qed tintemm il-Gwerra Bierda.