Refuġjati jingħataw drittijiet f’reġjun fl-Italja t’Isfel

Il-Kardinal Pollakk, Konrad Krajewski, id-delegat tal-Papa li jiddispensa l-karità jidher f’kamp tar-refuġjati fin-nofsinhar tal-Italja. (Credit: Photo courtesy Paulina Guzik.)

L-id il-lemenija tal-Papa Franġisku fejn tidħol il-karità u l-għajnuna lil dawk fil-bżonn, il-Kardinal Konrad Krajewski, f’erbat’ ijiem irnexxielu jagħmel “miraklu” li kien jidher li mpossibbli li jseħħ għal numru ta’ xhur.

Il-Kardinal Pollakk, magħruf ukoll bħala l-almunier tal-Papa, irnexxielu jipperswadi lill-awtoritjaiet tar-reġjun ta’ Apulia fin-nofsinhar tal-Italja, biex jirreġistraw lill-emigranti li hemm f’kamp tar-refuġjati fil-periferija ta’ Foggia u jagħtuhom status legali biex ikunu jistgħu jibbenefikaw mis-servizzi pubbliċi.

“Il-Papa għandu awtorità u l-gvern lokali ta’ Apulia sama’ t-talbiet tal-Papa”. Dan ifisser li dan il-kważi miraklu burokratiku ma seħħx bis-saħħa tiegħi imma bl-influwenza tal-Papa, qal Krajewski lill-aġenzija tal-aħbarijiet CRUX.

Jum ta’ ferħ

“Illum hu jum ta’ ferħ. Dawk in-nies, l-emigranti, ma kienux trattati bħala persuni umani. Fl-unjoni Ewropea, il-klieb għandhom il-passaport u l-baqar għandhom document għax inkella ma jkunux jistgħu jinbiegħu. U dawn huma bnedmin li kienu mċaħħda mid-dokumenti”, qal il-Kardinal Krajoweski.

Fis-sajf meta l-industrja lokali jkollha bżonn ħafna ħaddiema, ikun hemm madwar 6000 persuna fil-kamp tar-reguġjati li jinsab f’Borgo Messanone fejn jgħixu bla ma għandhom saqaf fuq rashom, bla ma għandhom fejn jinħaslu, bla servizzi sanitarji u anqas servizz fejn jinġabar l-iskart.

“Issa li dawn kienu rikonoxxuti bħala persuni umani, se nibnulu fejn jinħaslu”, qal il-Kardinal li ħafna drabi hu magħruf bħala “Don Corrado” jew ir-Robin Hood tal-Papa.

Hu qal li l-uffiċjali tal-gvern lokali wiegħdu li se jneħħu tunellati ta’ skart li nġabar fil-kamp. Il-Kardinal wissihom li jekk ma jneħħux dan l-iskart imur hu bi trakkijiet taż-żibel u jneħħiħ hu.

Reġistrati fl-indirizz tal-parroċċi

Skont l-almunier tal-Papa, il-gvernatur ta’ Apulia qabel li l-emigranti u r-refuġjati li jaħdmu ħafna siegħat fir-reġjun, f’xogħol li t-Taljani ma jridux jgħmlu, issa se jkunu reġistrati fl-indirizzi tad-diversi parroċċi fir-reġjun.

 Il-Kardinal Krajewski żar dan il-kamp tar-refuġjati fis-27 ta’ Settembru jumejn qabel il-Jum Dinji tal-Emigranti u r-Refuġjati.

“Għidt lill-awtoritajiet li l-Ġimgħa li jekk ma jirreġistrawx lil dawn in-nies jien immur ngħix fil-kamp”, qal il-Kardinal filwaqt li rrimarka li meta sar jaf b’dan, l-imgħallem, il-Papa, feraħ ħafna b’din l-aħbar.

Il-Papa ferħan

 Il-Papa hu ferħan ukoll bil-monument lill-emigranti u r-refuġjati li ftit jiem ilu kien inawgurat fi Pjazza San Pietru. L-istatwa, xogħol l-artist Kanadiż Timothy P Schmalz kisbet tifħir u anke Kritika u kien hemm min oġġezzjona għaliha għax qal Ii b’hekk il-Papa kien qed jippolitiċizza post li għall-Knisja hu sagru ħafna. Iżda l-Papa kien ferħan ħafna bil-monument.

Krajewski qal li l-Papa staqsih jekk kienx mar jara dan il-monument li fil-qalba tiegħu hemm is-Sagra Familja. Mistoqsi kemm se jdum il-monument fi Pjazza San Pietru l-Kardinal qal li mhux se jitneħħa malajr. “Din hi l-belt eterna u jien nittama li l-monument jibqa’ hawn għal dejjem. Ma jimpurtax jekk ma jaqbilx mal-kolonni tal-Bernini, l-aqwa li jaqbel mal-Evanġelju”.

Krajewski hu magħruf ħafna fil-Vatikan. Hu jaf personalment b’isimhom, lin-nies bla dar li jinġabru qrib il-Vatikan u darbtejn fil-ġimgħa jmur hu stess jagħtihom xi ikel waqt li jkunu jistkennu f’xi ‘subway’ jew stazzjon tal-ferrovija.

Hu fakkar li meta l-Papa Franġisku ħatru f’din il-kariga kien qallu: “Lest immur il-ħabs biex naqdi lill-foqra” u l-Papa kien wieġbu: “Tibżgħax, niġi narak”.