Referendum dwar l-Abort fl-Irlanda għal Mejju

F’Mejju li ġej fl-Irlanda se jsir referendum biex il-poplu jiddeċiedi li jneħħi klawsola mill-Kostituzzjoni tal-pajjiż li sal-lum tipprojbixxi l-abort. Il-Kostituzzjoni tiggarantixxa d-dritt għall-ħajja lil trabi mhux mitwielda. L-abort s’issa kien permess biss meta l-ħajja tal-omm tkun fil-periklu.
Il-Prim Ministru Iralandiż, Varadkar, qal li hu se jaħdem biex jitneħħa l-imsemmi artiklu mill-Kostituzzjoni u jaħdem fuq liġi ġdida li tippermetti l-abort bla ebda restrizzjonijiet.
Vardkar qal li l-fehmiet tiegħu dwar is-suġġett evolvew maż-żmien u l-esperjenza tal-ħajja għallmitu. “Issa l-poplu jrid jiddeċiedi fuq dak li jaf, li jisma, fuq l-kumpassjoni u l-empatija. Irrid li jkollna dibattitu li jirrispetta kull naħa tal-kwestjoni u qatt ma jkun personalizzat”.
Min-naħa tagħha Ruth Cullen tal-Kampanja Irlandiża Favur il-Ħajja qalet lid an hu moment ta’ dwejjaq u serju ħafna għall-pajjiż. “Il-Gvern ressaq proposta li għall-ewwel darba fl-istorja tagħna se tnaqqas dritt fundamentali bażiku għal grupp ta’ individwi vulnerabbli li ma jistgħux jiddefendu lilhom infushom minflok isaħħaħ il-protezzjoni kostituzzjonali tagħhom”, qalet.
“Ħadd ma jista’ jaħbi l-fatt li dak li qed jipproponu iservi biss li jneħħu kull protezzjoni legali lil trabi li għadhom ma tweldux. Fil-ġimgħat li ġejjin jibda jidher aktar ċar li l-proposta tal-Gvern se twassal li kulmin irid jibda jagħmel abort, jekk jgħaddi r-referendum.  Jien nittama li kif il-poplu jibda jifhem dan, jivvotta biex tibqa’ tinżamm il-klawsola kostituzzjonali li tipprojbixxi l-abort u jkun hemm impenn ġdid favur in-nisa tqal u trabi tagħhom mhux mitwielda” qalet Ruth Cullen.