Referis Maltin impenjati barra minn xtutna

Il-UEFA għażlet lir-referis Alan Mario Sant, Alan Camilleri, Roberto Vella u Chris Lautier għall-logħbiet tat-tieni rawnd ta’ kwalifikazzjoni tal-Europa League, bejn NK Široki Brijeg tal-Bosnija Ħerżegovina u FK Mladá Boleslav tar-Repubblika Ċeka.
Ir-referì tal-FIFA Alan Mario Sant se jikkontrolla l-logħba, megħjun mill-Assistent Referì tal-FIFA Alan Camilleri, l-Elite Assistent Referì Roberto Vella u r-raba’ uffiċjal Christopher Lautier.
L-uffiċjali Maltin se jkunu osservati mir-Russu Alexey Spirin li kien membru fil-kumitat tar-referìs fi ħdan il-UEFA.
Il-logħba se tintlagħab nhar il-Ħamis li ġej, fil-Pecara Stadium, f’Široki Brijeg fil-Bosnija Ħerżegovina.
Il-UEFA għażlet ukoll bħala osservaturi lir-referìs Maltin Adrian D. Casha, Gaetano De Gabriele u Victor Mintoff.
Nhar it-Tlieta li ġej, Adrian D. Casha se jkun qed josserva lir-referì tal-FIFA Vlado Glodjovic u l-assistenti tiegħu mis-Serbja, waqt il-logħba valida mit-tieni rawnd ta’ kwalifikazzjoni taċ-Champions League bejn Debreceni VSC tal-Ungerija u Cliftonville FC tal-Irlanda ta’ Fuq.
Il-logħba se tintlagħab fid-Debrecen Stadion, f’Debrecen fl-Ungerija.
Nhar il-Ħamis li ġej, Gaetano De Gabriele se jkun qed josserva lir-referì Bryn David Markham-Jones u l-assistenti tiegħu minn Wales, waqt il-logħba valida mit-tieni rawnd ta’ kwalifikazzjoni tal-Europa League, bejn Myllosken Pallo–47 tal-Finlandja u FC Dinamo Minsk tal-Belarus.
Il-logħba se tintlagħab fis-Saviniemi Football Stadium f’Kouvola, fil-Finlandja.
Fl-istess ġurnata, Victor Mintoff se jkun qed josserva lir-referì tal-FIFA Jan Valasek u l-assistenti tiegħu mis-Slovakja, waqt il-logħba valida mit-tieni rawnd ta’ kwalifikazzjoni tal-Europa League, bejn KS Flamurtari tal-Albanija u FC Petrolul Ploieşti tar-Rumanija.
Il-logħba se tintlagħab fil-Flamurtari Stadium fi Vlora fl-Albanija.