​Referendum Kaċċa: Il-mistoqsija se tkun għandhiex tibqa’

Il-mistoqsija fir-Referendum tal-Kaċċa se tkun jekk il-kaċċa fir-rebbiegħa għandhiex tibqa’ ssir.
Dan ikkonfermah il-Prim Ministru Joseph Muscat fil-Parlament illejla, fi Stqarrija.
Qal li dan għaliex hi l-verżjoni bil-Malti li tirbaħ fuq dik bl-Ingliż, minkejja diskrepanza bejn il-liġi u t-test tal-petizzjoni mressqa fil-verżjonijiet biż-żewġ lingwi.
Tenna l-pożizzjoni tiegħu personalment, li se jivvota biex il-kaċċa fir-rebbiegħa tibqa’ minkejja li saħaq li l-maġġoranza ma taqbilx miegħu, waqt li qal li bħala Prim Ministru m’għandux jibqa’ gallarija.
Filwaqt li rrefera għall-petizzjoni ta' 104,000 ruħ li kienet tressqet fil-Parlament biex il-proċess marbut mar-referenda jinbidel, il-Prim Ministru qal li din ma setgħetx isseħħ peress li l-proċess b'rabta mal-petizzjoni għal referendum dwar il-kaċċa kien diġà nbeda.
Dwar l-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali qal li dawn se jsiru fil-11 t’April, fl-istess jum tar-Referendum, u li fih se jivvutaw għall-ewwel darba żgħażagħ ta’ 16-il sena. Qal li elezzjonijiet oħra tal-kunsilli lokali mbagħad isiru fl-2019.
Tkellem dwar il-prerogattiva tal-għażla tad-data għar-referendum, u qal li l-Gvern mexa fuq il-parir tal-Avukat Ġenerali, li tiegħu poġġa kopja fuq il-Mejda tal-Kamra.
Appella biex il-kampanja elettorali titwaqqaf fi żmien l-Għid, li jaħbat ġimgħa qabel id-data magħżula għar-Referendum, u qal li l-Gvern tiegħu se jkun qed jirrispetta d-deċiżjoni tal-poplu kif se tkun espressa.

Reazzjoni mill-Koalizzjoni kontra l-Kaċċa fir-Rebbiegħa:
Il-Koalizzjoni kontra l-Kaċċa fir-Rebbiegħa laqgħet il-konferma immedjata tal-Prim Ministru kemm tad-data kif ukoll tal-mistoqsija li se titpoġġa fuq id-dokument tal-vot fir-referendum.
Filwaqt li ħeġġet lill-poplu biex jivvota, il-Koalizzjoni qalet li l-pubbliku se jkollu ċ-ċans li jieħdu din id-deċiżjoni importanti għall-futur ta’ Malta, liema kwistjoni issa mhix se tkun aktar deċiża mill-politiċi.