Referendum ieħor dwar Brexit fir-Renju Unit?

Skont stħarriġ li għamel il-ġurnal prominenti u influwenti Ingliż ‘The Independent’ 2.6 miljun votant Ingliż jinsabu iddiżappuntati bl-għażla tagħhom li jivvutaw favur Brexit.  Mill-aħħar stħarriġ qed joħroġ ferm ċar li l-maġġoranza tal-fehma Brittanika bħalissa taf tkun inqallbet ta’ taħt fuq.

L-istħarriġ juri li l-iktar votanti li qed ibiddlu l-opinjoni tagħhom huma dawk ta’ simpatija xellugija u dan qed iħalli pressjoni politika fuq Jermy Corbyn il-mexxej tal-Partit Laburista Ingliż.

The Independent għaddejja b’kampanja favur referendm ieħor, b’petizzjoni li s’issa ġabret mat-tlett kwarti ta’ miljun firma.

Impatt ekonomiku negattiv

Fadal inqas minn sena biex ir-Renju Unit iħoll is-sħubija mal-Unjoni Ewropea u l-aħħar indikazzjonijiet ekonomiċi qed juru li dan il-pass qiegħed kull ma jmur iħalli impatt negattiv fuq l-ekonomija Brittanika.

L-aħħar rapporti ekonomiċi dwar il-Brexit jindikaw li r-Renju Unit tilef iktar minn 2 fil-mija tal-output ekonomiku, u dan minkejja li d-divorzju għadu bosta xhur il-bogħod. Ekonomisti fil-UBS Group AG ħadmu statistika ta’ x’kien jiġri lil ekonomija Brittanika li kieku l-vot tal-Brexit mar in naħa l-oħra tal-munita. Minn dan l-eżerċizzju qed ikun stmat li seta’ kien hemm tnaqqis ta’ 2.1 fil-mija tal-prodott domestiku gross u diskrepanza għola fl-inflazzjoni ta’ 1.5 fil-mija. Filwaqt li l-konsum seta’ naqas b’1.7 fil-mija u l-investment tilef b’4 punti perċentwali.

Intant il-valur tal-Isterlina baqa’ jħoss in-negattività tal-aħħar ġranet partikolarment il-kumment li għadda il-Kap Negozjatur tal-Unjoni Ewropea Michel Barnier fejn sostna li l-UE hija ippreparata wkoll għal dak li qed jissejjaħ ‘no-deal’ Brexit.

Kumpaniji tal-farmaċewtika bi spejjeż żejda

Brexit qed iġġiegħel bosta kumpaniji jkunu kawti fl-investiment li qed iwettqu fir-Renju Unit, u bosta qed ifittxu alternattivi oħra fl-Unjoni Ewropea. Kumpanija li tipproduċi meidiċini għall-annimali rat l-istock  tagħha jinżel b’21 fil-mija minħabba li l-investituri laqgħu b’mod negattiv il-pjanijiet tagħha li tiftaħ faċilitajiet oħra fl-Unjoni Ewropea, simili għal dawk li diġà jeżistu fir-Renju Unit.

Kumpanija Amerikana tal-farmaċewtika PfizerInc. qed tikkalkula li hemm spejjeż żejda ta’ mitt miljun sterlina biex taħżen stock żejjed ta’ mediċini.  Dan biex tagħmel tajjeb għall-inċertezzi fis-suq peress li r-regolatur tal-mediċini issa qed jiġi trasferit minn Londra għal Amsterdam. Il-kumpaniji tal-farmaċewtika stqarrew li għandhom inċertezza kbira dwar kif se jkunu affettwati il-konsumaturi fil-futur.

Dan l-artiklu huwa miġjub lilkom minn MPM Capital Investments Ltd – www.mpmci.net Tel. 21493250. Tista’ tirċievi l-artiklu b’xejn billi tibgħat email fuq info@mpmci.net

L-informazzjoni u l-ħsibijiet inklużi fl-artiklu huma provduti għal skop ta’ edukazzjoni u informazzjoni biss u m’għandhomx jiġu kkunsidrati bħala parir ta’ investiment.