Referendum fi New Zealand biex jibdlu l-bandiera

Fi New Zealand, is-sena d-dieħla u ta’ wara se jsiru żewġ referenda dwar il-bandiera nazzjonali.
L-aħbar ħarġet wara li l-Prim Ministru John Key rebaħ it-tielet mandat biex jiggverna.  
Key qal li se jitwaqqaf grupp ta’ professjonisti biex imexxu kampanja ta’ informazzjoni u jduru l-liġijiet eżistenti qabel ma’ l-pajjiż jintalab jesprimi ruħu.
L-ewwel referendum se jwassal biex il-poplu jagħżel minn fost għadd ta’ disinni ġodda għall-bandiera ġdida.
Is-sena ta’ wara mbagħad, ikun mitlub jagħżel bejn id-disinn preferut u l-bandiera eżistenti.
Kemm-il darba Key esprima ruħu li l-bandiera ta’ New Zealand għandha ġġorr l-ilwien iswed u fidda, kif diġà għandhom għadd ta’ timijiet fil-pajjiż, u mhux iktar il-Union Jack tar-Renju Unit. B’hekk, skont hu, il-bandiera tirrifletti aħjar il-kunċett ta’ pajjiż modern u indipendenti.