Referees f’Malta fuq strike

Ir-referees tal-football f’Malta se jkunu fuq strike minn nhar il-Ġimgħa 5 ta’ April skont l-Assoċjazzjoni Maltija għar-Referees tal-Football (MFRA).

Fi stqarrija, l-MFRA qalet li kienet ħarġet deadlines għar-reviżjoni tal-ħlas f’Jannar u Frar li għadda. Skont l-assoċjazzjoni, it-tnejn ġew injorati. Qalet li wara, ħarġet deadline oħra fl-1 ta’ April. Din ukoll “ma ġietx rispettata”.

Skont l-MFRA, l-istrike se jibda mill-5 ta’ April fl-4 pm. L-ebda referee affiljat mal-MFRA m’għandu jsegwi l-appuntamenti tal-logħob tal-Assoċjazzjoni tal-Football Malti (MFA). Żiedet tgħid li din id-direttiva tibqa’ fis-seħħ sakemm l-MFRA toħroġ kontro-direttiva li tikkanċellaha.

L-MFRA temmet tgħid li “jidher” li lbieraħ kien hemm laqgħa bejn l-MFA u n-negozjaturi li qed jirrapreżentaw l-MFRA u li kien hemm forma ta’ qbil verbali. Fi kliem l-MFRA, jekk il-qbil jiġi kkonfermat bil-miktub, l-MFRA tirrevedi d-deċiżjonijiet tagħha.