Refalo ma jridx jitkellem

Iċ-Ċerpersin ta’ Heritage Malta u eks Ministru għal Għawdex Anton Refalo ma jridx iwieġeb għall-mistoqsijiet ta’ Newsbook.com.mt dwar l-applikazzjoni li martu għamlet biex tiżviluppa lukanda fuq art ODZ.

Refalo ma weġibx għal numru ta’ telefonati wara li ġie mgħarraf li kellhom isirulu xi mistoqsijiet.

Fl-ewwel telefonata, Refalo qata’ l-kuntatt kif għednielu li qed inċemplu minn Newsbook.com.mt bil-mistoqsijiet.

Kien Newsbook.com.mt li l-ġimgħa l-oħra żvela kif mart l-eks Ministru Anton Refalo applikat biex tibni lukanda b’sebat ikmamar fuq art ODZ fil-Qala.

Bl-applikazzjoni mal-Awtorità tal-Ippjanar, Refalo qed titlob biex dar residenzjali b’żewġt ikmamar tinbidel f’lukanda ta’ żewġ jew tliet stilel. Iż-żieda fil-kmamar tkun kemm fl-ewwel pjan kif ukoll f’kantina li trid tiġi skavata wara li joħroġ il-permess.

Il-binja mistennija li jkollha kantina għall-inbid (wine cellar) f’għar naturali li jinsab fl-istess żona.