Redlands terġa’ tixxandar

Min-nhar it-Tnejn 13 ta’ Lulju fuq l-istazzjon One se tirritorna s-sensiela Redlands, li hi sensiela ta’ drama nieqsa mill-vjolenza, qtil, u intriċċi ta’ problemi li mdorrijin naraw fuq it-televiżjoni f’numru kbir ta’ produzzjonijiet oħra.

Is-sensiela toffri faċċati differenti sabiex tolqot il-gosti ta’ kulhadd: mill-arti taż-żfin; għall-komiċita’; għall-problemi reali tal-ħajja. Dan kollu bi spirtu ta’ tama u pożittivita’ f’dak kollu li jiġri.

Din id-drama għandha fiha l-element fittizju tal-kulleġġi, fuq stil Amerikan, iżda ambjentat hawn Malta. Redlands huwa wieħed mill-kulleġġi, fost ħafna kulleġġi ohra, li joffri t-tagħlim ta’ diversi temi skolastiċi, b’importanza kbira għall-arti taż-żfin. Fil-fatt, diversi studenti jagħmlu dak kollu li jistgħu sabiex jidħlu fit-tim taż-żfin u jikkompetu fil-battles li jkun hemm ta’ kull ġimgħa kontra kulleġġi oħra, bil-għan li fl-aħħar tas-snin tagħhom ġewwa l-kulleġġ jiirbħu borża ta’ studju sabiex ikomplu l-formazzjoni tagħhom fiz-zfin ‘il barra mill-pajjiż.

F’Redlands se naraw diversi karattri li se joħduna tul dawn is-26 episodju fl-iskeda, u li se jmorru id f’id mas-sena skolastika reali tal-istudenti. Ghaldaqstant, it-telespettaturi għandhom iċ-ċans li jirrelataw aktar mal-avvenimenti li se jkunu qegħdin iseħħu kemm fl-iskola, kif ukoll barra mill-ħitan tal-kulleġġ.

Redlands se tkun qed tixxandar min-nhat it-Tnejn fid-8.45pm fuq l-istazzjon One.