#Red Wednesday fl-Ingilterra

Nies f'Londra jimmarċjaw kontra l-persekuzzjoni reliġjuża

In-nies madwar ir-Renju Unit nhar l-Erbgħa li għaddew iċċelebraw Red Wednesday b’numru ta’ kattidrali, knejjes, skejjel, kulleġġi u universitajiet kollha mdawwla bl-aħmar bħala parti minn kampanja internazzjonli biex tieqaf il-persekuzzjoni reliġjuża.

Din l-inizjattiva organizzata mill-assoċjazzjoni Kattolika Aid to Church in Need flimkien mal-Christian Solidarity Worldwide, titfa dawl fuq l-oppressjoni ta’ nies ta’ diversi twemmin reliġjuż u ssejjaħ għal azzjoni biex ikunu protetti dawk li qed isofru minħabba l-fidi tagħhom.

F’Londra binjiet ikoniċi bħal Marble Arch, Lambeth Palace, il-Parlament u oħrajn kienu kollha mixgħula aħmar filwaqt li n-nies sfidaw ix-xita u ngħaqdu f’purċissjoni bix-xemgħat mixgħula sal-Kattidral ta’ Westminster.

Quddiem il-Kattidral li wkoll kien mixgħul bl-aħmar, is-Sheikh Ibrahim Mogra, Assistent Segretarju tal-Kunsill Musulman tal-Gran Brittanja, tkellem kontra l-persekuzzjoni mill-estremisti Musulmani.

“Qiegħed hawn illum nikkundanna l-azzjonijiet ħżiena tagħhom li assolutament m’humiex Islamiċi u m’humiex aċċettabbli.  Jien solidali mal-komunitajiet Kristjani madwar id-dinja li huma persegwitati u speċjalment ma’ dawk li qed isofri minn idejn dawk li suppost huma ħuti, Misilmin bħali”, qal Mogra.

Ix-Sheikh Ibrahim żied jgħid: “U jien solidali wkoll mal-komunitajiet ta’ twemmin ieħor, huma fejn huma u li huma persegwitati, inkluż Musulmani madwar id-dinja li huma persegwitati”.

Waqt komunikazzjoni bil-video ma’ Aleppo, in-nies li kien hemm quddiem il-Kattidral ta’ Westminster ġew wiċċ imb’wiċċ ma’ Antoine, nisrani minn Aleppo li ddeskriva kif kien inħataf mill-ISIS għal 62 ġurnata, qabel irnexxielu jaħrab b’miraklu.

Aktar kmieni dakinhar il-karrozza tal-linja bl-emblema ta’ #RedWednesdaygħaddiet mit-toroq ta’ Londra u waqfet quddiem il-Kattidrali ta’ San Ġorġ, f’Southwalk, ta’ San Pawl, tal-Erwieħ f’Langham Place, St Martin-in-the-Fields, Pjazza Trafalgar qabel speċċa fil-pjazza quddiem il-Parlament fejn saru diskorsi tal-okkażżjoni.

Fl-Iskozja, il-Kattidral Kattoliku ta’ St Mirin f’Paisley wkoll inxtegħel bl-aħmar u fil-Parlament Skoċċiż saret ċerimonja fejn kien ippreżentat ir-Rapport għall-2018 dwar il-Libertà Reliġjuża, kumpilat minn Aid to Church in Need.

Il-Kap tat-Taqsima tal-ġbir ta’ fondi ta’ Aid to Church in Need, Patricia Hatton irringrazzjat lil dawk kollha li sfidaw ix-xita biex ħadu sehem fit-tielet edizzjoni tal-kampanja #RedWednesday.

“Qed nitolbu lin-nies ta’ kull twemmin u anke lil dawk li ma jemmnu f’xejn biex jgħollu leħinhom u jitkellmu għal dawk il-kuminitajiet siekta u li qed isofru madwar id-dinja”.

Pajjiżi oħra li ħadu sehem fil-kampanja #Red Wednesday jinkludu Franza, l-Italja u postijiet oħra.