Rebħiet importanti fil-futbol Malti

Mill-kampjonat premier, Hibernians lura għar-rebħ meta għelbu lil Balzan bl-iskor ta’ 4-2.
Il-Pawlisti b’din ir-rebħa ġew punt biss wara Sliema Wanderers li illum iridu jilagħbu kontra Birkirkara.
Għal Balzan din kienet ir-raba’ telfa konsekuttiva.
Vittoriosa Stars ħadu punti prezzjużi li bihom telgħu fit-tielet post tar-Relegation Pool, meta għelbu lil Rabat Ajax bl-iskor ta’ 3-1.
Il-Ġirbin rritornaw ukoll għar-rebħ wara dro u żewġ telfiet.
Sfortunatament għar-Rabtin din kienet is-sbatax-il logħba bla rebħa.
Illum ikompli l-kampjonat premier b’erba’ partiti oħra fil-Victor Tedesco Stadium fil-Ħamrun u fl-Istadjum Nazzjonali f’Ta’ Qali.
Fis-2pm Floriana li qegħdin l-ewwel fir-Relegation Pool jilagħbu kontra Tarxien Rainbows fil-Victor Tedesco Stadium.
Filwaqt li fl-istess ħin, Valletta jilagħbu kontra Mosta f’Ta’ Qali.
Fl-4pm Sliema Wanderers jilagħbu kontra Birkirkara u fl-4:15pm fil-Victor Tedesco Stadium, Qormi jilagħbu kontra Naxxar Lions.
Mill-ewwel diviżjoni, Pietà Hotspurs ikomplu jassiguraw il-promozzjoni tagħhom fil-kampjonat premier meta ħadu s-sitt rebħa konsekuttiva kontra St.Andrews bl-iskor ta’ 4-1.
Zebbug Rangers komplew bil-pass tagħhom wara Pietà meta għelbu lil St.George’s bl-iskor ta’ 3-1.
Mit-tieni diviżjoni, Fgura United jibqgħu fil-quċċata tal-klassifika meta għelbu lil San Gwann 1-0.
Rebħa importanti għall-Imqabba fuq Marsa bl-iskor ta’ 4-0.
Fid-derby tan-naħa t’isfel ta’ Malta, Zabbar St.Patricks għelbu lil ġirien tagħhom Marsaskala bl-iskor ta’ 2-1.
Mellieħa tilfu żewġ punti essenzjali għalihom meta ġew fi dro ta’ mingħajr gowls ma’ Kirkop United.