Rebħiet għas-Senegal u l-Alġerija fit-Tazza tan-Nazzjonijiet Afrikani

Is-Senegal meritatament dawru telfa f’rebħa kontra l-Gana.
Fit-13-il minuta l-Gana marru fil-vantaġġ minn penalty mogħti ferm tajjeb minn  Andre Ayew.
Matul il-bqija tal-ewwel taqsima il-Gana kellhom diversi ċansijiet mitlufa fejn fihom setgħu rduppjaw l-iskor.
Is-Senegaliżi wkoll laqtu l-lasta permezz ta’ Mbodji u b’rabuxxata Mame Diouf ġiegħel lill-gowlkiper tal-Gana jsalva bil-ponot ta’ subgħajh.
Fit-tieni taqsima, s-Senegaliżi ħadu l-kontroll tal-logħba u ġabu d-dro permezz ta’ Diouf fit-58 minuta.
Meta deher li r-riżultat kien se jkun ta’ 1-1, fit-tielet u l-aħħar minuta ta’ ħin miżjud, is-sostitut Moussa Sow għalaq il-logħba u ta r-rebħa mistħoqqa lil pajjiżu.
Fit-tieni logħba minn Grupp Ċ, l-Alġerija telgħu fil-quċċata meta għelbu lit-tim tal-Afrika t’Isfel bl-iskor ta’ 3-1.
It-tim tal-Afrika t’Isfel mar fil-vantaġġ fil-51 minuta b’gowl skurjat minn Thuso Phala, wara ħidma tajba bejn Sibusiso Vilakazi u Tokelo Rantie.
Is-Sud Afrikani tilfu ċ-ċans li jirduppjaw l-iskor meta minn penalty Vilakazi laqat il-lasta.
Fis-67 minuta l-Alġerija ġabu d-dro meta minn kross ta’ Yacine Brahimi, Thulani Hlatshwayo b’daqqa ta’ ras tefa’ l-ballun fix-xibka tiegħu stess.
Fit-72 minuta Faouzi Ghoulam poġġa lill-Alġerija fil-vantaġġ u Islam fit-83 minuta Islam Slimani għamel l-iskor finali ta’ 3-1.
Intant illum minn Grupp D, il-Kosta tal-Avorju jilagħbu kontra l-Ginea u l-Mali kontra l-Kamerun.