Rebħiet għal Luxol u Valletta sabiex jibqgħu fil-quċċata

Il-kampjonat tal-futsal lokali kompla b’logħbiet mir-Rawnd tal-Elite u l-Ewwel Diviżjoni fejn fiż-żewġ logħbiet tal-Elite, Luxol u Valletta ħarġu rebbieħa kontra Mrieħel ESS u Swieqi United rispettivament.
Wara tmien minuti, Luxol marru fil-vantaġġ permezz ta’ Giancarlo Sammut. Tliet minuti biss wara, Mrieħel ESS ġabu l-iskor indaqs permezz ta’ Essa Benatiya minn penalti. Immedjatament Luxol reġgħu marru fil-vantaġġ permezz tal-captain Mark Zammit, li ssiġilla l-iskor finali għal 2-1.
Fil-logħba l-oħra, l-Beltin ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 4-2, b’doppjetta ta’ Murtaz Kakabadze u gowls għal Dylan Musu u d-debuttant Kolumbjan Camillo Andres Gomes Vanegas. Għal Swieqi United skurjaw Shota Chanukvadze u Christian Wismayer.
B’hekk fil-klassifika tal-Elite, Valletta u Luxol għandhom 36 punt, Ħamrun Tre Angeli u Swieqi United għandhom 25, filwaqt li Mrieħel ESS għandhom 21 punt.
Mill-Ewwel Diviżjoni, Pietà Nordiska kisbu rebħa oħra u din id-darba kontra l-Junior College. Pietà kellhom vantaġġ komdu ta’ 5-0 qabel tmiem l-ewwel taqsima, b’doppjetti ta’ Kurt Bartolo u Roberto Camargo u gowl ta’ Ryan Mifsud.
Junior College naqsu l-iskor permezz ta’ Gilbert Amato Gauci, iżda Kurt Bartolo għaqqad tripletta personali u għamilhom 6-1. Lejn tmiem il-logħba Tyrone Pace skurja gowl ieħor għall-Junior College, iżda fl-aħħar sekondi Leandros Calleja skurja u ssiġġilla r-rebħa bl-iskor finali ta’ 7-2.
William Barbosa kien il-protagonist prinċipali għal Tarxien JMI, fir-rebħa ta’ 8-2 fuq it-tim ta’ taħt il-21 sena ta’ Swieqi United. Il-plejer Brażiljan skurja xejn anqas minn tliet gowls.
Għal Tarxien skurjaw ukoll Armando Djepali, Craig Pickard, Claudio Venuto u Bennett Schembri. Is-sitt gowl ta’ Tarxien JMI wasal minn awtogowl ta’ Jurgen Ciantar.
Minn naħa l-oħra ż-żgħażagħ ta’ Swieqi United sabu x-xibka darbtejn, permezz ta’ Owen Fiteni u Jurgen Ciantar.
Qormi rritornaw għar-rebħa meta għelbu lil Marsaskala bl-iskor ta’ 6-2. L-Iskalin qed isibuha ferm bi tqila biex jiksbu rebħa oħra li taqlagħhom min-naħa t’isfel tal-klassifika.
Il-gowls Qriema waslu minn tripletta ta’ Bertram Azzopardi, doppjetta ta’ Elvis Pajo u gowl ta’ Clayton Borg. Għal Marsaskala skurjaw Khail Drago u Tiwtiw Jr Afifi.
Fl-Ewwel Diviżjoni nsibu lill-Università ta’ Malta b’26 punt, Pietà Nordiska 24, Tarxien JMI 18, Qormi 12, Marsaskala u Swieqi United U21 b’sitt punti u l-Junior College bla ebda punt.
Matul il-ġimgħa d-dieħla jkollna dawn il-logħbiet:
Mill-Ewwel Diviżjoni
It-Tnejn 5/2/18
Fit-8:00 pm Marsaskala vs Tarxien JMI
Fid-9:15 pm Swieqi United U21 vs Pietà Nordiska
Il-Ħamis 8/2/18
Fit-8:00 pm Junior College vs L-Università ta’ Malta
Mill-Elite
Il-Ġimgħa 9/2/18
Fit-8:00 pm Mriehel ESS vs Swieqi United
Fid-9:15 pm Valletta vs Hamrun Tre Angeli