Rebħiet għal Luxol u Valletta qabel il-konfront ta’ bejniethom

Luxol u Vallletta kisbu rebħiet kontra Mrieħel ESS u Swieqi United rispettivament. Dawn iż-żewġ timijiet se jiltaqgħu kontra xulxin il-ġimgħa d-dieħla, fejn se żgur se joffri logħba tajba bħal dejjem.
Luxol għelbu lil Mrieħel ESS bl-iskor ta’ 9-3. Fl-ewwel taqsima l-plejers immexxija mill-plejer kowċ Frane Despotovic, kienu iktar ixxamplati meta kellhom vantaġġ ta’ 7-0, qabel tmiem l-ewwel taqsima.
Fit-tieni taqsima Mrieħel ESS kienu aktar aggressivi u rnexxielhom inaqqsu d-distakk bi tliet gowls. Madanakollu l-esperjenza ta’ Luxol waslithom biex għalqu l-logħba b’żewġ gowls oħra. Il-gowls għal Luxol waslu minn tripletti għal Andy Mangion u Emil Andrei Raducu, doppjetta għal Zvezdan Vukovic u gowl ta’ George Frendo. Filwaqt li l-gowls ta’ Mrieħel ESS waslu mingħand il-plejer kowċ Eslam Khalifa, Ayoub Ahmad u Daniel Mifsud.
Valletta wkoll kellhom wirja tajba u għamluhom ħames rebħiet minn ħamsa, meta għelbu lil Swieqi United bl-iskor ta’ 6-4. Għal Valletta idebbutta plejer ieħor internazzjonali mill-Ġorġja Buta Kakabadze li skurja tliet darbiet. Mohamed Lamari, Dylan Musu u l-plejer kowċ Xavier Saliba skurjaw ukoll għal Valletta. Għal Swieqi skurjaw Shota Chanukvadze, Erick Vinicius Crispim magħruf aħjar bħala Pitoko u doppjetta ta’ Zuka Lukava.
F’aktar logħbiet li kellna matul din il-ġimgħa, Junior College jibqgħu mingħajr l-ewwel rebħa meta tilfu 3-16 kontra Pietà. L-Universitarji jerġgħu jirritornaw għar-rebħ meta għelbu lit-tim ta’ taħt il-21 sena ta’ Swieqi United bl-iskor ta’ 14-2. Hamrun Tre Angeli wkoll irritornaw għar-rebħ meta għelbu lil Qormi 5-1. Fl-aħħarnett Marsaskala jibqgħu għaddejin minn fażi negattiva meta ġew megħluba minn Tarxien JMI bl-iskor ta’ 8-2.
Fil-klassifika tal-kampjonat Valletta jibqgħu waħedhom fil-quċċata bi 15-il punt, segwiti mit-tim tal-Università u Pietà bi 12-il punt. Fit-tielet post insibu lil Hamrun Tre Angeli u Luxol li għandhom disa’ punti. Tarxien JMI u Swieqi United għandhom sitt punti, filwaqt li Marsaskala u Mriehel ESS għandhom tliet punti. Fil-qiegħ tal-klassifika, Junior College u t-tim ta’ taħt il-21 sena ta’ Swieqi United għadhom mingħajr l-ebda punt.
Intant il-ġimgħa d-dieħla se jikun hemm dawn il-logħbiet fil-Padiljun Sportiv ta’ Kordin:
It-Tnejn 30/10/17
Fit-8:00 pm Pietà vs Swieqi United U21
Fid-9:15 pm Hamrun Tre Angeli vs Tarxien JMI
Il-Ħamis 2/11/17
Fit-8:00 pm Qormi vs Swieqi United
Fid-9:15 pm Marsaskala vs Mriehel ESS
Il-Ġimgħa 27/10/17
Fit-8:00 pm Junior College vs L-Università ta’ Malta
Fid-9:15 pm Luxol vs Valletta