Rebħiet għal Luxol fid-Decider u fil-Play Offs

Luxol għelbu lil Valletta bl-iskor ta’ 2-1, sabiex it-tim minn St. Andrew’s imur għall-Play Offs, waħdu fl-ewwel post tal-Elite. Logħba ferm tattika u bilanċjata li fiha ż-żewġ timijiet utilzaw il-flying keeper. Luxol sa mill-bidu kellhom lil Mark Zammit bħala flying keeper u fit-tieni taqsima l-Beltin għamlu l-istess b’Dylan Musu.
It-tliet gowls waslu kollha fl-ewwel taqsima, hekk kif il-Beltin fetħu l-iskor permezz ta’ Shawn Vella, Zvezdan Vukovic ġab id-dro u Gian Carlo Sammut poġġa lil Luxol fil-vantaġġ.
B’hekk fil-Play Offs Luxol jaffrontaw lil Swieqi United, filwaqt li Valletta jiltaqgħu kontra Ħamrun Tre Angeli.
Fl-ewwel leg tal-ewwel semifinali tal-Play Offs Luxol għelbu lil Swieqi United bl-iskor ta’ 6-1. Għal Luxol kellna tripletta ta’ Andy Mangion, doppjetta għal Maicon Da Silva Gaiewski u gowl kull wieħed għal Frane Despotovic u Mark Zammit. Għal Swieqi United naqas l-iskor Boicho Marev.
Fil-logħba l-oħra Valletta għelbu lil Hamrun Tre Angeli bl-iskor ta’ 5-1. Bidu tajjeb għall-Beltin li fetħu l-iskor wara biss 39 sekonda permezz ta’ Denis Di Maio. L-ewwel taqsima intemmet 1-0 u fi ftuħ it-tieni taqsima, il-Ħamruniżi ġabu l-iskor indaqs permezz ta’ Daniel Mifsud. Kien hawn li l-Beltin ħadu l-kontroll assolut tal-partita u skurjaw l-erba’ gowls l-oħra permezz ta’ żewġ gowls oħra ta’ Denis Di Maio u gowl kull wieħed għal Camilo Andres Gomez Vanegas u Gia Nikvashvili.
Mill-Ewwel Diviżjoni, Marsaskala temmew l-impenji tagħhom għal dan l-istaġun, b’rebħa devastanti ta’ 7-2 fuq Junior College. Bidu tajjeb għat-tim tal-Junior College, li kellhom vantaġġ doppju permezz ta’ Fabio Miguel Fama Gaspar and Arturo Garcia de Haro. Qabel tmiem l-ewwel taqsima, rimonta eċċezzjonali ta’ Marsaskala li ġabu d-dro permezz ta’ doppjetta ta’ Alessio Restuccia u marru saħansitra fil-vantaġġ permezz ta’ Joseph Zammit.
Fit-tieni taqsima l-Iskalin ħadu l-kontrol assolut u skurjaw aktar gowls b’doppjetta ta’ Robert Zammit u gowl kull wieħed għal Josef Balzan u Bernard Sciberras.
Tarxien JMI wkoll temmew staġun ferm pożittiv għalihom, meta għelbu lil Pietà Nordiska bl-iskor ta’ 4-2. Għal Tarxien JMI kellna doppjetta ta; Uros Markovic, gowl ta’ Radovan Duric u awtogowl ta’ Claude Debono. Min-naħa l-oħra Sean Vella u Karl Sciortino skurjaw għal Pietà Nordiska.
Intemmet ukoll l-ewwel esperjenza fil-futsal għat-tim tal-Junior College, li spiċċa tilef ukoll l-aħħar logħba, meta safa’ megħlub minn Qormi bl-iskor ta’ 4-1. Il-gowls Qriema waslu minn tripletta ta’ Antoine Galea u gowl ta’ Clayton Borg. L-uniku gowl għall-Junior College ġie skurjat minn Paul Farrugia.
Fil-klassifika tal-Ewwel Diviżjoni nsibu lil Tarxien JMI bi 30 punt, L-Università ta’ Malta b’29, Pietà Nordiska 27, Qormi 18, Swieqi United U21 u Marsaskala b’disa’ punti, u l-Junior College bla ebda punt.
Matul il-ġimgħa d-dieħla jkollna dawn il-logħbiet:
Mill-Ewwel Diviżjoni
It-Tnejn 5/3/18
Fit-8:00 pm L-Università ta’ Malta vs Pietà Nordiska
Il-Ħamis 8/3/18
Fit-8:00 pm L-Università ta’ Malta vs Qormi
Mill-Play Offs tal-Elite
Il-Ġimgħa 9/3/18
Fit-8:00 pm Hamrun Tre Angeli vs Valletta
Fid-9:15 pm Swieqi United vs Luxol