Rebħiet doppji għal Luxol u Valletta

Rebħiet doppji għal Luxol u Valletta li lagħbu darbtejn matul din il-ġimgħa. Luxol akkwistaw żewġ rebħiet importanti kontra t-tim tal-Università u dak ta’ taħt il-21 sena ta’ Swieqi United rispettivament.
Min-naħa l-oħra Valletta għelbu lil Pieta Nordiska u Junior College, biex baqgħu waħedhom fl-ewwel post b’punti massimi wara għaxar logħbiet.
It-tim minn St. Andrews dawwar telfa f’rebħa fl-ewwel taqsima u żamm kostanti sat-tisfira finali. L-Universitarji li kellhom wirja tajba għal ħin twil fil-logħba, fetħu l-iskor f’nofs l-ewwel taqsima permezz ta’ Jose Maria Aguilera Castellano. Iżda lejn tmiem l-ewwel taqsima Luxol dawru r-riżultat u ħadu l-kontroll tal-logħba, b’gowls ta’ Zvezdan Vukovic, Mark Zammit u Andy Mangion.
Fil-bidu tat-tieni taqsima Luxol komplew fejn ħallew qabel tmiem l-ewwel taqsima u skurjaw ir-raba’ gowl permezz ta’ George Frendo. Ftit tas-sekondi wara l-Universitarji naqsu l-iskor permezz tal-barrani l-ieħor Hermin Hasanbegovic.  Madanakollu Luxol żiedu fl-attakki tagħhom u skurjaw erba’ gowls oħra permezz ta’ Andy Mangion, George Frendo u doppjetta ta’ Frane Despotovic.
Fil-logħba l-oħra li kellhom Luxol, huma għelbu lit-tim ta’ taħt il-21 sena ta’ Swieqi United bl-iskor ta’ 11-3. Min-naħa l-oħra Valletta għelbu lil Pieta Nordiska u Junior College bl-iskors ta’ 6-1 u 22-0 rispettivament. Marsaskala kellhom isofru telfa oħra, din id-darba kontra Qormi bl-iskor ta’ 7-2. Mriehel ESS kisbu rebħa oħra, meta din il-ġimgħa għelbu lil Tarxien JMI bl-iskor minimu ta’ 3-2.
Fil-klassifika tal-kampjonat, Valletta jibqgħu waħedhom b’punti massimi bi 30 punt, segwiti minn Luxol u Swieqi United bi 21 punt u t-tim tal-Università b’19-il punt. Mriehel ESS issa telgħu bi 18-il punt, segwiti minn Hamrun Tre Angeli għandhom 16-il punt. Pietà Nordiska baqgħu bi 15-il punt u Tarxien JMI b’disa’ punti daqs Qormi. Marsaskala wkoll baqgħu b’sitt punti, quddiem it-tim ta’ taħt il-21 sena ta’ Swieqi United li għandhom tliet punti u t-tim tal-Junior College mingħajr l-ebda punt.
Intant il-ġimgħa d-dieħla jkollna dawn il-logħbiet fil-Padiljun Sportiv ta’ Kordin:
It-Tnejn:

  • Fit-8pm Tarxien JMI vs Luxol

Il-Ħamis 

  • Fit-8pm L-Università ta’ Malta vs Swieqi United
  • Fid-9pm Pietà Nordiska vs Hamrun Tre Angeli

Ritratt: Joe Borg