Rebħa probabbli għall-konservattivi li jinsabu fil-gvern fis-Serbja

REUTERS/Marko Djurica

Read in English.

Jidher li l-partit konservattiv fil-Serbja mmexxi mill-President Aleksandar Vucic u li bħalissa jinsab fil-gvern, se jerġa’ jirbaħ b’maġġoranza assoluta l-elezzjonijiet parlamentari li saru nhar il-Ħadd, skont riżultati mbassra minn Ipsos uCeSID.

Dan it-tbassir juri li l-Partit Progressiv Serb (SNS) se jirbaħ l-elezzjonijiet bi 62.5% tal-voti, filwaqt li l-Partit Soċjalista – imsieħeb minuri f’koalizzjoni mal-gvern attwali – jidher li kiseb it-tieni post b’10.7% tal-voti.

L-Alleanza Patrijottika Serba, partit lemini-ċentrali mmexxi mill-eks plejers tal-water polo Aleksandar Sapic jidher fit-tielet post b’4% tal-voti.

Qabel Vucic ħabbar ir-rebħa, instemgħet orkestra ddoqq mużika tradizzjonali Serba fil-kwartieri ġenerali tal-SNS. 

Għexieren ta’ persuni dehru mgezzin ġo kamra ċkejkna, jgħannqu lil xulxin, iżda uħud minnhom biss kienu libsin maskli minkejja pariri mit-tobba biex joqgħodu attenti u jevitaw il-firxa tal-coronavirus. 

“Il-lejla n-nies urew li għandhom fiduċja kbira fil-partit tagħna,” Vucic qal lil ġurnalisti. “Il-poplu Serb iddeċieda t-tip ta’ futur li jrid.”

Istitut tas-servejs Serb ieħor, CRTA ħabbar li marru jivvutaw 48% tal-poplu meta mqabbel ma’ 56.7% fl-2016. Il-Kummissjoni tal-Elezzjoni Statali hi mistennija li tħabbar ir-riżultati, inkluż l-għadd ta’ nies li ħarġu jivvutaw, aktar tard filgħaxija. 

L-għadd ta’ votanti kien affetwat minn boycott minn uħud mill-partiti fl-oppożizzjoni, li qalu li l-votazzjoni mhix waħda libera jew ġusta minħabba li Vucic għandu poter qawwi fuq il-midja. 

Florian Bieber, espert tal-Balkani li jinsab fl-Università ta’ Graz fl-Awstrija, ħareġ tweet wara r-riżultat: “Din ir-rebħa hija r-riżultat ta’ telf kbir għar-rebbieħa, mingħajr oppożizzjoni fil-parlament l-elezzjoni titlef il-valur tagħha u l-gvern huwa anqas leġittimu minn qatt qabel.”

Fil-parti l-kbira l-votanti appoġġaw l-siforzi tal-koalizzjoni ta’ Vucic, li tinsab fil-gvern, fil-ħidma tagħha għal sħubija fl-Unjoni Ewropea filwaqt li  jinżammu rabtiet mill-qrib mar-Russja u ċ-Ċina.

Imma l-gvern futur se jaffaċċja pressjoni akbar mill-UE u mill-Istati Uniti biex jirrikonoxxi l-indipendenza tal-eks provinċja Serba tal-Kosovo, mossa li hija meqjusa bħala waħda kritika għall-istabilità fir-reġjun.

Is-Serbja, pajjiż b’popolazzjoni ta’ 7.2 miljun persuna, irrappurtat 12,894 każ ikkonfermat ta’ COVID-19 u 261 mewta. Din kienet fost l-ewwel pajjiżi Ewropej li bdew jiftħu l-fruntieri tagħhom fit-22 ta’ Mejju, u fejn tneħħew il-miżuri kollha ta’ lockdown.

Analisti qalu li uħud mill-votanti ma marrux jivvutaw minħabba li biża’ mill-pandemija, speċjalment fost gruppi vulnerabbli. Madwar 1.2 miljun persuna inklużi fir-reġistru elettorali x’aktarx li ma jivvutawx wara li ilhom snin jgħixu barra l-pajjiż.

“Jekk inqisu n-numru ta’ voti (li kisbu l-SNS)… mixjin lejn sistema bħal dawk fil-Korea ta’ Fuq jew fiċ-Ċina,” qal Slobodan Zecevic, lecturer tal-liġi internazzjonali mal-Università Ewropea li tinsab f’Belgrad.