Rebħa oħra għal Valletta FC Futsal fil-Maċedonja

Rebħa oħra għal Valletta FC Futsal, meta għelbu it-tim Irlandiż ta’ Fustamba Naas bl-iskor ta’ 5-0.

Valletta għal darboħra marru kmieni fil-vantaġġ u fit-tielet minuta kien Murtaz Kakabadze b’xutt mid-distanza. Ħames minuti wara kien it-Taljan Denis Di Maio li rdoppja l-iskor u minuta biss wara Ninoslav Aleksic għamilhom 3-0.

Fit-tieni taqsima l-Beltin komplew iżidu iktar gowls, b’kontrattakk ta’ Camillo Gomez fis-27 minuta. Ftit wara, Aleksic b’xutt fil-baxx issiġilla doppjetta personali u għamel l-iskor finali 5-0 għall-Beltin.

Din ir-rebħa titlob minnhom aktar attenzjoni u determinazzjoni, hekk kif nhar is-Sibt jaffrontaw lit-tim ospitant ta’ Veles. Veles, bħal Valletta rebħu l-ewwel żewġ logħbiet tagħhom u għalhekk xi ħadd minnhom irid joħroġ rebbieħ u jgħaddi għar-rawnd li jmiss.

Valletta kontra Veles tibda fit-8.00pm fil-Jane Sandanski Arena ta’ Skopje, fil-Maċedonja.