Rebħa oħra għal Pietà u Balzan fil-Malta Summer Cup 2014

Ilbieraħ fil-Luxol Stadium, kellna żewġ logħbiet oħra minn Grupp A tal-Malta Summer Cup, b’rebħa għal Pietà Hotspurs u Balzan.
Fl-ewwel logħba, Pietà Hotspurs għelbu lil Naxxar Lions bl-iskor ta’ 2-0.
Iż-żewġ gowls waslu fit-tieni taqsima, minn Rafael Xavier fid-59 minuta u minn Frances Claudio Daniel fis-66 minuta.
Naxxar Lions kienu għal xi ħin b’raġel anqas wara t-tkeċċija ta’ Terence Vella.
Fit-tieni logħba, Balzan għelbu lil Qormi bl-iskor ta’ 2-1.
Kienu l-Qriema li fetħu l-iskor wara erba’ minuti logħob permezz ta’ Bruce Albert.
Fil-25 minuta, Balzan ġabu d-dro permezz ta’ Justin Grioli.
Fis-76 minuta, l-akkwist ġdid ta’ Balzan, Jean Pierre Mifsud Triganza skurja l-gowl tar-rebħa.
B’hekk Balzan ġew l-ewwel fi Grupp A bi tliet rebħiet minn tlieta u b’9 punti, u nhar il-Ħamis se jkunu wieħed mis-semifinalist.
Pietà Hotspurs ukoll għamluha għas-semifinali wara li ġew it-tieni fil-grupp, b’6 punti.
Fl-aħħar żewġ postijiet insibu lil Naxxar Lions bi tliet punti u Qormi bla punti.
Illum ikollna l-aħħar żewġ logħbiet ta’ Grupp B, fejn fis-6:30pm Floriana jilagħbu kontra Zebbug Rangers u fit-8:30pm Mosta jilagħbu kontra Vittoriosa Stars.