Rebħa minima għal Sliema Hotsticks

Wara bidu ddominat minn logħob f'nofs il-grawnd, Sliema kellhom l-ewwel ċans li jiftħu l-iskor minn Julian Zahra iżda l-konklużjoni tiegħu spiċċat fuq il-lasti.  Sliema komplew jagħfsu u minkejja li rebħu short corner ma rnexxielhomx jippenetraw id-difiża Rabtija li kienet immexxija tajjeb minn Shawn Falzon.
Rabat bdew deħlin fil-logħba f'nofs l-ewwel taqsima meta rebħu ħames short corners iżda ma rnexxielhomx isarrfuhom f'gowls.  Sliema bdew jaħarbu fuq il-kontrattakk u ftit qabel intemmet l-ewwel taqsima kważi fetħu l-iskor iżda kien Falzon li salva minn fuq il-linja.  Falzon reġa' kien fl-azzjoni ftit wara iżda din id-darba kważi poġġa lit-tim tiegħu minn fuq meta laqat il-wieqfa minn azzjoni ta' short corner.
It-tieni taqsima provdiet iktar okkażjonijiet ta' gowls.  Wara għaxar minuti mill-ftuħ tat-tieni taqsima Sliema ġew mogħtija penalty li ma ġiex konvertit minn Shaun Grima. Rabat għal ftit ma skorjawx fil-51 minuta iżda l-ballun spiċċa mal-ġenb tax-xibka.  Il-gowlkipers taż-żewġ timijiet wettqu żewġ interventi tajbin ħafna li żammew għal ħin twil l-iskor 0-0.  Ħames minuti mit-tmiem, Ryan George kien l-awtur tar-rebħa Slimiża meta wasal l-ewwel fuq il-ballun wara rebound qasir u għeleb lil gowlkiper Rabti.
Nhar il-Ħadd li ġej tkompli l-fażi tal-gruppi taċ-Challenge Cup b’żewġ logħbiet oħra interessanti.
Fid-9am Qormi jilagħbu kontra Sliema Hotsticks u fil-11am Floriana Young Stars jilagħbu kontra White Hart.
Il-logħob kollu qed jintlagħab fil-Kumpless tal-Hockey f’Kordin.