​Rebħa konvinċenti għal Qormi fil-Hockey

Rebħa kbira ta’ 6-0 għal Qormi fuq White Hart, li poġġiet lill-Qriema fil-quċċata tal-klassfika flimkiem ma’ Sliema Hotsticks.
Bidu tajjeb għal White Hart li rebħu short corner fl-ewwel minuta, iżda ma rnexxielhomx jisfruttawh.
Min-naħa tagħhom Qormi gawdew mill-ewwel short corner li kellhom meta Juan Sarcia spara fix-xibka wara biss tliet minuti.
Minkejja li Qormi ddominaw il-logħba, ma setgħux ikabbru l-vantaġġ tagħhom bil-gowlkiper ta’ White Hart Robert Vassallo Agius li kien protagonist għal diversi drabi.
B’Qormi jattakkaw, White Hart bdew jisfruttaw l-ispazji fid-difiża ta’ Qormi u kienu perikolużi fil-kontrattakki li ħolqu.
L-ewwel taqsima spiċċat b’gowl vantaġġ għal Qormi.
Fil-ftuħ tat-tieni taqsima, Qormi marru viċin meta laqtu l-lasti iżda ma kellhomx jistennew ħafna biex jiskurjaw it-tieni gowl tagħhom.
Justin Bonello rċieva tajjeb mingħand Isaac Mansueto u poġġa lil Qormi tnejn minn fuq.
Qormi żiedu l-vantaġġ fit-42 minuta meta Steve Tanti daħal tajjeb u b’xutt fil-baxx għeleb lill-gowlkiper ta’ White Hart.
Fit-53 minuta Jonathan Borg għamilhom 4-0 b’xutt mid-distanza.
Kyle Micallef skurja l-ħames gowl, filwaqt li Sarcia skurja t-tieni gowl personali għal skor finali ta’ 6-0.