Greċja: Tkaxkira minn Syriza, il-partit kontra l-awsterità

Fil-Greċja, rebħa kbira fl-elezzjoni ġenerali għal Syriza, il-partit soċjalista kontra l-awsterità mmexxi minn Alexis Tsipras.
Skont ċifri maħruġa mill-Kummissjoni responsabbli mill-Elezzjoni, Syriza rebaħ bejn 36% u 38% tal-voti, u 149 siġġu parlamentari, żewġ siġġijiet biss inqas għall-maġġoranza assoluta.
Waqt il-kampanja elettorali, Alexix Tsipras kien wiegħed li kien se jneħħi ħafna mill-miżuri ta’ awsterità li daħlu fis-seħħ wara għadd ta’ bailouts li bdew fl-2010.
 Huwa saħaq ukoll li jekk ikun Prim Ministru se jerġa’ jinnegozja l-arranġamenti ta’ dejn li l-Greċja għandha ma' kredituri internazzjonali.Id-dejn tal-pajjiż bħalissa jilħaq il-175% tal-Prodott Gross Domestiku (GDP).
F’reazzjoni, Syriza ddeskriva ċ-ċifri bħala “ritorn lejn dinjità soċjali u ġustizzja soċjali.”
Il-Kelliem għall-partit, Panos Skourletis, qal li r-rebħa storika mhux qed tibgħat messaġġ lill-Griegi biss imma lill-Ewropa kollha.
Intant fit-toroq ta’ Ateni, diversi partitarji tal-partit kontra l-awsterità niżlu fit-toroq jiċċelebraw.