​Rebħa kbira għat-tfajliet ta’ Pembroke Athleta

Wara l-ewwel tliet logħbiet fil-kampjonat tan-nisa, l-ikbar skor tal-ġurnata wasal mill-partita bejn Pembroke Athleta u Lija/Iklin, b’rebħa ta’ 9-0 għal Pembroke.
Intant Raiders Luxol baqgħu fil-quċċata tal-klassifika flimkien ma’ Mgarr United b’seba’ punti. Raiders ħadu t-tieni rebħa s’issa u għelbu lil Tarxien Rainbows bl-iskor ta’ 3-0.
Mgarr United bl-uniku gowl fit-tieni taqsima kellhom rebħa xejn faċli kontra Kirkop United.
Birkirkara ħadu t-tieni rebħa minn tnejn, meta għelbu lir-rivali tagħhom Hibernians bl-iskor ta’ 2-0.
Sliema Wanderers dawru telfa fi dro ta’ 2-2 kontra Swieqi United.
Għalhekk il-klassifika preżenti tara lil Raiders Luxol u Mgarr United b’seba’ punti, Kirkop United, Pembroke Athleta, Birkirkara u Tarxien b’sitt punti, Hibernians bi tliet punti, Sliema Wanderers u Swieqi United b’punt, filwaqt li Hamrun Spartans u Lija/Iklin għadhom bla punti.
Birkirkara, Hibernians u Hamrun Spartans għandhom logħba anqas.
Nhar it-Tlieta li ġej Mgarr United jilagħbu kontra Pembroke Athleta, Hamrun Spartans kontra Birkirkara, Tarxien Rainbows kontra Kirkop United, Sliema Wanderers kontra Raiders Luxol u Hibernians kontra Swieqi United.