Rebħa kbira għall-konservattivi Griegi f’elezzjoni bikrija

REUTERS/Alkis Konstantinidis

L-oppożizzjoni Griega rritornat fil-poter wara rebħa kbira f’elezzjoni bikrija li saret il-Ħadd.

Il-Partit konservattiv tad-Demokrazjia l-Ġdida kiseb 39.6% tal-voti filwaqt li dak xellugi Syriza ġab 31.6%. B’dan ir-riżultat, is-sistema elettorali tista’ tagħti bejn 155 u 167 siġġu lill-partit rebbieħ minn total ta’ 300 siġġu parlamentari.

Fl-ewwel kumment tiegħu, il-Prim Ministru elett Kyriakos Mitsotakis qal li għandu mandat ċar mill-poplu biex iwettaq il-bidla u wiegħed iktar investiment, inqas taxxi, iktar xogħol u tkabbir ekonomiku li li jwasslu għal żieda fil-pagi u l-pensjonijiet.

Min-naħa l-oħra, il-Prim Ministru uxxenti Alexis Tsipras qal li jirrispetta r-rieda tal-poplu u jħoss li huwa qed iħallas prezz politiku għoli minħabba deċiżjonijiet ibsin li kellu jieħu. Tsipras kien sar Prim Ministru fl-2015 fl-eqqel ta’ kriżi finanzjarja qawwija li kienet ilha taħkem lill-pajjiż mill-2010. Ftit xhur wara li ngħata l-mandat, kien talab għajnuna finanzjarja mill-Unjoni Ewropea permezz ta’ bailout, xi ħaġa li ma tantx kienet niżlet tajjeb mal-elettorat. Tsipras temm il-mandat tiegħu b’rata ta’ qgħad ta’ 18% li hi l-ogħla waħda mill-pajjiżi taz-zona Ewropea.

Analisti politiċi qed jattribwixxu dan ir-riżultat lin-nuqqas ta’ progress fl-ekonomija f’dawn l-aħħar erba’ snin u nofs li matulhom kien hemm ukoll tnaqqis fis-salarji u l-pensjonijiet.

L-attenzjoni ta’ ħafna issa ddur fuq l-għażla tal-kabinett speċjalment f’ministeri kruċjali bħalma huma dawk tal-finanzi, l-ekonomija, l-enerġija, l-iżvilupp u l-affarijiet barranin, xi ħaġa li Mitsotakis dejjem evita li jitkellem dwarha matul il-kampanja elettorali.

Il-partit lemini estrem Golden Dawn, li għandu ħafna simpatija ta’ Neo-nażisti, mar ħażin ħafna. L-ewwel riżultati juru li lanqas laħaq it-3% tal-voti.

L-elezzjoni fil-Greċja ma kinitx neqsa mit-tensjoni speċjalment meta l-Ħadd grupp ta’ attivisti daħlu f’wieħed mill-postijiet ta’ votazzjoni ta’ Ateni u serqu waħda mill-kaxxi tal-voti.

 

Il-Partit Nazzjonalista jibgħat l-awgurju tiegħu lill-gvern il-ġdid Griek. 

Carmelo Mifsud Bonnici u Roselyn Borg Knight awguraw lill-gvern il-ġdid Griek Kyriakos Mitsotakis f’isem il-Partit Nazzjonalista. Huma wrew ix-xewqa li l-Partit Nazzjonalista flimkien mall-gvern il-ġdid Griek isaħħu r-rabtiet ta’ bejniethom permezz tal-ħidma fil-Partit Popolari Ewropew.