“Rebħa elettorali ma tħassarx allegazzjonijiet ta’ abbuż”

In-Netwerk tas-Soċjetà Ċivili (CSN) ikkritika l-argument li r-rebħa elettorali daqstant kbira tal-Partit Laburista fl-aħħar elezzjonijiet ġenerali tfisser li d-demokrazija f’Malta hija b’saħħitha, u li l-Liġi tal-pajjiż fil-fatt qed tiġi rispettata.
In-Netwerk spjega fi stqarrija li l-Liġi ta’ Malta tara lil kull ċittadin indaqs, u l-ebda riżultat elettorali ma jista’ jagħti immunità lill-persuni li qed jaffaċċjaw allegazzjonijiet ta’ natura kriminali.
Skont in-Netwerk, dan l-argument issaħħaħ permezz tal-intervent tal-Ewroparlamentari Alfred Sant fi Strażburgu, fejn qal li l-opinjoni tiegħu li l-Ministru Konrad Mizzi ma kienx postu fil-Gvern inbidlet wara li l-poplu reġa’ tah il-fiduċja tiegħu fl-elezzjoni li għaddiet.
In-Netwerk temm jgħid li raġunament bħal dan mhux aċċettabbli għax skontu jdgħajjef il-ħarsien tal-Liġi f’Malta, u għalhekk appella lill-politiċi Maltin biex jerfgħu r-responsabbilità tagħhom biex b’hekk jissaħħu l-valuri demokratiċi tal-pajjiż.
Il-Ħadd li ġej, in-Netwerk se jkun qed jorganizza dimostrazzjoni għall-ġustizzja fil-Belt Valletta fl-4pm, fejn il-kelliem ewlieni se jkun l-eksmaġistrat kontra l-korruzzjoni, Antonio Di Pietro.
Tista’ tara l-filmat t'hawn taħt biex issir taf iktar dwar Antonio Di Pietro: