Rebħa drammatika u dro ieħor fit-Tazza tan-Nazzjonijiet Afrikani

Minn Grupp Ċ tat-Tazza tan-Nazzjonijiet Afrikani, gowl fl-aħħar minuta mit-tliet minuti ta’ ħin miżjud, kien biżżejjed biex ta rebħa importanti għall-Gana.
Asamoah Gyan kien l-awtur ta’ dan il-gowl li ħasad lill-Alġerini, li huma meqjusa bħala l-favoriti minn dan il-grupp.
Minn naħa l-oħra l-Gana b’din ir-rebħa jqawwu t-tamiet tagħhom li jikkwalifikaw għar-rawnd li jmiss.
Intant mill-istess grupp, dro ieħor ta’ 1-1 bejn l-Afrika t’Isfel u s-Senegal.
Wara żewġ minuti mill-bidu tat-tieni taqsima, l-Bafana Bafana marru minn fuq b’xutt fil-baxx ta’ Oupa Manyisa.
Fis-60 minuta Kara Mbodj skurja l-gowl tad-dro li poġġa lis-Senegal fil-quċċata ta’ Grupp Ċ.
F’dan il-grupp kollox irid jiġi deċiż fl-aħħar logħba, hekk kif it-timijiet kollha għad għandhom iċ-ċans li jikkwalifikaw.
Fil-fatt is-Senegal għandhom 4 punti, il-Gana u l-Alġerija għandhom 3 punti u l-Afrika t’Isfel għandhom punt.
Intant illejla minn Grupp D, il-Kosta tal-Avorju jilagħbu kontra l-Mali u l-Kamerun kontra l-Ginea.