“Rebbiegħa Ġdida” fid-djoċesi ta’ Ahiara, fin-Niġerja

L-Isqof Niġerjan tad-djoċesi ta’ Umuahia u l-Amministratur Appostoliku l-ġdid tad-Djoċesi ta’ Ahiara għamlu sejħa għall-fejqan, ir-rikonċiljazzjoni u l-għaqda f’din id-djoċesi fejn hemm ħafna nkwiet.
L-Isqof li kien qed jitkellem fil-Quddiesa inawgurali tal-ministeru tiegħu qal li “nħossni privileġġjat ħafna li nservi lil dan il-poplu li hu magħruf għall-ispirtu reliġjuż u intraprendenti tiegħu. Irridu inkunu eqreb tagħkom fiż-Żjara Pastorali li se nagħmel fil-parroċċi u namministra s-sagramenti”. L-Isqof Lucius Iwejuru Ugorji qal hekk fil-Kattidral ta’ Ahiara ppakkjat bin-nies.
Hu qal li hi koinċidenza sabiħa li r-Rebbiegħa l-Ġdida ħabtet ukoll ma' żmien ir-Randan. “Fil-qadi tal-mandat tiegħi rrid nenfasizza li kull fejqan veru u tiġdid jibda minn rikonċiljazzjoni ma’ Alla li jagħtina l-paċi f’ruħna. Ilkoll għandna bżonn il-paċi interjuri u t-tiġdid. F’dan iż-żmien tar-Randan il-Knisja ssejħilna biex nisimgħu dak li qalilna Ġesù, jiġifieri "indmu u emmnu l-Evanġelju’”.
L-Isqof il-ġdid faħħar il-ħidma pastorali tal-ewwel missjunarji u l-kontribuzzjoni tas-saċerdoti lokali li rnexxielhom iżommu d-djoċesi magħquda meta ħafna missjunarji Irlandiżi kienu mġiegħla jitilqu min-Niġerja meta spiċċat il-gwerra ċivili fl-1970.
“L-isforzi glorjużi tagħhom kienu sostnuti mill-kleru, ir-reliġjużi u l-Insara tad-djoċesi u huma riflessi b’mod mill-aktar sabiħ fil-Knisja Kattolika b’saħħitha fi Mbaise. Il-vokazzjonijiet għas-saċerdozju u l-ħajja reliġjuża iffjorew. Il-popolazzjoni tal-lajċi Nsara kibret ħafna. Twaqqfu nurmu ta’ parroċċi ġodda, inbnew knejjes mill-isbaħ grazzi għall-ġenerożità tal-poplu ta’ Mbaise”, fakkar l-Amministratur Appostoliku l-ġdid.
Huwa fakkar fil-perjodu ikraħ li għaddiet minnu d-djoċesi ta’ Ahiara li għadu kif intemm. Hu wera d-dispjaċir tiegħu għad-diżgwid li kien hemm dwar is-suċċessjoni tal-Isqof preċedenti tad-djoċesi, Victor Adibe Chikwe li miet fl-2010.
“Kienet sfortuna li l-proċess biex jinħatar Isqof ieħor wara Chikwe wassal għal kriżi kbira li għattiet il-progress sinifikanti u l-kisbiet li għamlet il-Knisja fid-djoċesi ta’ Ahiara tul is-snin. Din il-kriżi heżżet id-djoċesi u ħalliet feriti profondi ta’ firda fil-Knisja lokali u tat dehra ħażina tal-Knisja fin-Niġerja u ‘l hinn minnha”, qal l-Isqof Ugoriji.