Rebbiegħa fl-Albanija; tħassib f’Malta – l-Arċisqof Frendo

L-Arċisqof ta’ Tirana-Durres, l-Albanija, Mons. George Frendo qal li l-Knisja Kattolika fl-Albanija għaddejja minn Rebbiegħa għal bosta raġunijiet, filwaqt li f’Malta is-sitwazzjoni hija tat-tħassib.
F’intervista ma’ Fr Joe Borg fuq RTK, Mons. Frendo spjega kif minkejja li għandha 15% biss tal-popolazzjoni bħala membri tagħha, il-Knisja Kattolika tgawdi kredibiltà qawwija fl-Albanija. Għal ħafna żmien l-pajjiż kellha l-ateiżmu fil-kostituzzjoni imma llum 50% tal-popolazzjoni hi Musulmana u 20% Ortodossa.
Il-Knisja tgawdi kredibiltà qawwija
Mons. Frendo spjega li l-Knisja Kattolika fl-Albanija kienet l-iktar denominazzjoni reliġjuża li batiet taħt ir-reġim Kommunista. Qal li l-Knisja ma għamlet l-ebda kompromess mal-Kommuniżmu, kif għamlu reliġjonijiet oħra.
Qal li fi żminijiet ta’ emerġenza wara l-waqa’ tal-Kommuniżmu, il-Knisja Kattolika kienet minn ta’ quddiem biex tgħin, mingħajr diskriminazzjoni ta’ x’reliġjon iħaddan min ikollu bżonn l-għajnuna.
Jispjega wkoll li tul is-snin ma kien hemm ebda każi ta’ saċerdoti involuti f’xi skandli u il-Knisja hi viċin ħafna tal-poplu.
Iż-żagħżagħ f’Malta bogħod mill-Knisja
L-Aċisqof Malti fl-Albanija li f’April li għadda ingħata ċ-ċittadinanza Albaniża mill-President tal-pajjiż, jgħid li f’pajjiżu ħafna żagħżagħ jattendu għall-quddiesa tal-Ħadd. Spjega li meta jiġi Malta jitnikket jara li l-faxxa ta’ bejn il-15 u l-40 sena qed tisparixxi mill-knejjes f’Malta.
Jgħid li l-messaġġ tal-Liturġija għandu jkun wieħed li joffri tama u li ċ-ċelebrant verament jiċċelebra meta jwassal il-Kelma. Jgħid li l-Knisja f’Malta għandha saċerdoti kapaċissimi li jistgħu jagħtu lill-poplu il-mediċina li għandu bżonn.
Dwar il-festi f’Malta jistaqsi jekk dawn hux qed isiru sempliċiment okkażjoni ta’ divertiment u jekk il-poplu hux qed jersaq eqreb ta’ Kristu meta jiffesteġġja.
Il-Maltin ġenerużi mal-Albanija
Mons. Frendo jispjega li l-Maltin huma ġenerużi ħafna mal-Albanija u jirnexxielu jgħin ħafna familji bis-saħħa tal-għajnuna tal-Maltin. Kull min jixtieq jgħin, jista’ jagħmel depożitu fil-kont: APS 20000512205.