Reazzjonijiet kritiċi għaċ-ċensura mill-Università

Read in English.

Il-Kunsill Studenti Universitarji flimkien mal-Kap tad-Dipartiment tal-Midja u l-Komunikazzjoni fl-Università ta’ Malta kellhom reazzjonijiet kritiċi għal dak li seħħ ilbieraħ fil-kampus tal-Università fl-Imsida.

Il-Kunsill Studenti Universitarji ikkundanna l-aġir tal-uffiċjali tal-Università ta’ Malta meta lbieraħ ċċensuraw materjal politiku billi waqqfu grupp ta’ studenti li pprotestaw b’maskli ta’ Ministru.

Ilbieraħ uffiċjali tas-sigurtà fl-Università ta’ Malta kkonfiskaw maskra b’wiċċ il-Ministru għat-Trasport Ian Borg mill-istand ta’ Freshers’ Week ta’ Moviment Graffitti.

Intant, il-Kap tad-Dipartiment tal-Midja u l-Komunikazzjoni fl-Università ta’ Malta il-Professur Ġorġ Mallia qal li ma qabilx mal-pożizzjoni tal-Università li ddefendiet lill-uffiċjali tagħha. Saħaq li l-Università kellha tistqarr kategorikament li “l-espessjoni ħielsa hija sagrosanta”.

F’kumment ma’ Newsbook.com.mt, Thomas Mifsud qal li l-KSU jifhem il-frustrazzjoni tal-Moviment Graffitti u qal li huma qed jissapportjaw il-fehma tagħhom għad-dritt tal-libertà tal-kelma u espressjoni ħielsa.

Mifsud li huwa l-Uffiċjal għar-Relazzjonijiet Pubbliċi tal-KSU qal li huma se jibqgħu jippromwovu spirtu ta’ dibattitu miftuħ u espressjoni ħielsa fuq il-kampus tal-Università. Dwar l-uffiċjali li waqqfu lill-istudenti, il-KSU qal li huma jifhmu li din id-deċiżjoni ma saritx biex tiġi mxekkla l-libertà tal-kelma.

Il-bieraħ filgħxija, l-Università ta’ Malta qalet fi stqarrija li r-rappreżentant tal-Graffitti intalab ineħħi l-maskra meta ħareġ miż-żona riżervata għall-għaqda. L-Università qalet li uffiċjali tas-sigurtà ħadu azzjoni biex is-sitwazzjoni ma teskalax.

Attivist tal-Moviment Graffitti bil-maskla tal-Ministru Ian Borg

Rappreżentant tal-għaqda li huwa student universitarju spjega ma’ Newsbook.com.mt kif il-ħaddiema tas-sigurtà tal-Università qalulhom li “l-politika mhix parti minn Freshers’ Week”. Hu qal li l-każ seħħ għall-ħabta tal-11am. Qal li l-kostum kien qed jintuża bħala mod ta’ kif jattiraw l-istudenti u kien biss satira politika.

AQRA: Jikkonfiskaw maskra b’wiċċ Ministru mill-attivisti ta’ Moviment Graffitti fl-Università

Stqarr li l-Università hija post fejn l-istudenti jitgħallmu jiftħu moħħhom u għalhekk ikollhom ħsieb indipendenti. Qal li għalhekk jeżistu l-protesti u fakkar kif diversi gruppi li jmexxu l-protesti nazzjonali ħarġu mill-Università. Stqarr ukoll li fil-fehma tiegħu, l-Università għandha tgħin lill-istudenti biex jagħmluhom.

Qal li huwa maħsud b’dak li ġara fil-każ tal-Moviment Graffitti. Spjega li għalkemm ma jaħsibx li kien hemm xi tip ta’ aggressjoni, kien iddiżappuntat li l-Università ddefendiet id-deċiżjoni tal-uffiċjali tas-sigurtà. Spjega li l-Università għandha tiddefendi l-espressjoni ħielsa u tinkoraġixxi lill-istudenti u mhux imxekkla.

Disinn tal-Professur Ġorġ Mallia

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia sejjaħ dan il-każ bħala inaċċettabbli, mhux demokratiku u tal-mistħija.

Dan filwaqt li l-Kap tad-Delegazzjoni tal-PN fil-Parlament Ewropew Roberta Metsola qalet li dak li ġara fl-Università huwa l-oppost ta’ x’suppost jiġri f’Università.