Aġġornata: Reazzjonijiet diversi fuq il-ħatra ta’ Franco Debono

Wara li l-Gvern Laburista ħatar lil Franco Debono bħala Kummissarju tal-Liġijiet, il-Partit Nazzjonalista jħoss li din il-mossa ma tawgura xejn tajjeb għas-serjetà u s-serenità li biha għandu jitmexxa l-proċess tar-reviżjoni Kostituzzjonali. Il-PN kompla jgħid li kellu jsir kunsens nazzjonali li jgħaqqad. Din il-mossa hija diviżiva li hija maħsuba biss biex tinsulenta lill-Oppożizzjoni, temm jgħid l-istess partit.

B’reazzjoni għal dan, il-Partit Laburista stqarr li l-Partit Nazzjonalista tilef ċans tajjeb biex jitgħallem mill-iżbalji tal-passat li wasslu lill-istess Partit għall-istat li jinstab fih bħalissa. Il-Gvern Ġdid immexxi mill-Partit Laburista se jassigura li jintuża l-potenzjal ta’ kulħadd, tkompli tgħid l-istqarrija maħruġa mill-Partit Laburista.

Il-komunikat temmet tgħid li għall-fatt li l-Partit Nazzjonalista ma qabilx mal-ħatra ta’ Franco Debono tmur kontra azzjoni li kien għamel l-istess partit meta poġġa lil Dr Debono fil-Kumitat Parlamentari għall-kodifikazzjoni tal-liġijiet taħt it-tmexxija tal-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi.

Intant, il-viċi chairman ta’ Alternattiva Demokratika Carmel Cacopardo sostna li l-inkarigu tal-avukat Franco Debono biex jieħu ħsieb il-konvenzjoni Kostituzzjonali, li tista’ twassal għall-hekk imsejħa t-Tieni Repubblika, hi deċiżjoni żbaljata.

Fil-blog tiegħu, Cacopardo sostna li fil-programm elettorali tiegħu il-Partit Laburista ġustament jgħid li t-tibdil kostituzzjonali meħtieġ għandu jsir wara diskussjoni li fiha tkun involuta is-soċjetà ċivili, filwaqt li s-soċjetà ċivili kellha tkun involuta anke’ fl-għażla tal-persuna bl-inkargu li tipprepara din il-konvenzjoni. Hu żied jgħid li taqbel jew ma taqbilx miegħu, Franco Debono, hu persuna diviżiva u m’huwiex il-persuna addattata għal din il-biċċa xogħol delikata.