Reazzjoni qawwija għall-kliem ta’ Puli

Wara li s-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Clyde Puli tella’ fuq Facebook l-editorjal tal-gazzetta The Times, ir-reazzjonijiet kienu qawwija.

The Times qalet li l-Kap Nazzjonalista Adrian Delia kellu raġun fil-pożizzjoni li ħa dwar il-każ Egrant. Puli ma waqafx hemm imma irriproduċa wkoll il-parti tal-editorjal li kienet tħeġġeġ lil Busuttil jingħaqad mal-Partit Demokratiku.

Puli, li qabel l-elezzjoni li għaddiet kien qal fil-pubbliku li Michelle Muscat, mart il-Prim Ministru, hija sidt Egrant, iffaċċja reazzjonijiet qawwija fuq il-paġna tiegħu ta’ Facebook. Kien hemm min kien sorpriż sew li issa Puli kien qed jattakka lil Busuttil. Min sejjaħlu opportunist u min tah prosit.

L-istorja sħiħa tinsab hawn.

Sadanittant, dawn il-mistoqsijiet li Newsbook.com.mt bagħat lill-Partit Nazzjonalista nhar it-Tnejn li għadda baqgħu mhux imwieġba:

1) F’Settembru li għadda l-Kunsill Amministrattiv b’mod unanimu kien talbek biex tikkunsidra ma toħroġx għall-elezzjoni tal-Kap tal-PN. Inti injorajt it-talba. Ilbieraħ il-Kunsill Amministrattiv b’mod unanimu talab lill-Eks Kap Simon Busuttil biex jissospendi ruħu mill-Grupp Parlamentari. Kif għamilt int, anke dan qed jinjora t-talba tal-Kunsill Amministrattiv. Tlumu lil Simon Busuttil li jagħmel l-istess bħalma għamilt inti?

2) Lura f’Settembru li għadda, il-partitarjji Nazzjonalisti taw raġun lilek mhux lill-Kunsill Amministrattiv. Mir-reazzjonijiet li qed ikollok, taħseb li jista’ jiġri l-istess fil-każ ta’ Simon Busuttil?