Reazzjoni għar-rapport ta’ Fitch: Tonio Fenech jgħid li l-Gvern m’għandu l-ebda pjan fit-tmexxija finanzjarja

Il-Kelliem Nazzjonalista għall-Finanzi Tonio Fenech f’reazzjoni għat-tnaqqis tar-rating li l-aġenzija Fitch tat lil Malta, qal li l-messaġġ tal-istess aġenzija Fitch huwa wieħed ċar; li juri kemm il-Gvern mhuwiex kredibbli u m’għandu l-ebda pjan fit-tmexxija finanzjarja tal-pajjiż. Sejjaħ dan in-nuqqas fil-grad li ngħatat Malta bħala ċertifikat negattiv lill-Gvern Laburista.

Fi stqarrija il-Kelliem Nazzjonalista qal li din id-deċiżjoni tal-aġenzija Fitch hija marbuta mal-fatt li l-qagħda finanzjarja ta’ Malta marret għall-agħar minħabba d-deċiżjoni żbaljata tal-Gvern li jivvota kontra l-Budget għas-sena 2013 f’Novembru li għaddha. Semma wkoll kif l-istess aġenzija qed tinnota li Malta ingħatat twissija mill-Kummissjoni Ewropea u li fetħet proċedura ta’ defiċit eċċessiv kontra Malta, u dan kollu f’sitt xhur ta’ Gvern Laburista.

L-istess stqarrija tkompli tgħid li ħames snin ilu l-aġenzija Fitch kienet għolliet ir-rating ta’ Malta u żammietu fil-livell ta’ A+ għal ħames snin sħaħ minkejja l-qagħda ekonomika kritika dinjija fl-2009 u l-2010. Il-Partit Nazzjonalista appella sabiex Joseph Muscat jistenaħ li spiċċat il-kampanja elettorali u jibda jerfa’ r-responsibbiltà li ġġib magħha t-tmexxija tal-pajjiż.