“Il-problemi fiskali fir-rapport ta’ Fitch intirtu mill-gvern ta’ qabel” – Prof. Scicluna

Fir-reazzjoni tiegħu għar-rapport ta’ Fitch li niżżel il-credit rating fit-tul ta’ Malta, il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna qal li l-gvern huwa konxju tas-sitwazzjoni ekonomika u fiskali tant li qiegħed tabilħaqq jindirizzahom.

Il-Ministeru għall-Finanzi qal li ż-żlieq fiskali li jsir aċċenn għalih fir-rapport ta’ Fitch, hija sitwazzjoni li wiret il-Gvern u li ġie wkoll rikonoxxut minn aġenziji oħra internazzjonali.

Intqal li b’din id-deċiżjoni, l-aġenzija Fitch qed tallinja ruħha mal-pożizzjoni ta’ aġenziji oħra li fl-2012 kienu esprimew xettiċiżmu rigward il-miri fiskali mħabbra mill-amministrazzjoni preċedenti.

Il-gvern jinnota wkoll ir-rakkomandazzjonijiet ta’ Fitch li jitkellmu dwar riforma sinifikanti fit-trażżin tal-garanziji tal-Gvern li bħalissa jammontaw għal €1 biljun, kif ukoll dwar progress konkret fir-ristrutturar tal-intrapriżi statali prinċiparjament fosthom il-korporazzjoni Enemalta. Intqal li dan ir-rapport sar qabel ma ntlaħaq ftehim maċ-Ċina fis-settur tal-enerġija.

Il-Ministeru għall-Finanzi temm jgħid li l-gvern qed jieħu bosta inizjattivi sabiex irażżan l-ispiża pubblika, ikabbar l-effiċjenza u jkabbar id-dħul.