Il-Qorti Suprema ta’ Victoria fl-Awstralja, ilbieraħ tat il-verdett tagħha fejn b’żewġ voti kontra wieħed ċaħdet l-appell imressaq mill-Kardinal George Pell wara li kien ingħata sentenza ta’ sitt snin ħabs fuq akkużi ta’ abbużi sesswali fuq minuri.
Immedjatament malli tħabbar il-verdett, kemm il-Vatikan kif ukoll il-Knisja fl-Awstralja taw ir-reazzjonijiet tagħhom.
Il-verdett ifisser li s-sentenza ta’ sitt snin ħabs li ngħata f’Marzu ta’ din is-sena issa kienet konfermata. Ta’ min jgħid li l-Kardinal kellu jgħaddi żewġ ġurijiet, wieħed dwar abbużi li allegatament saru fis-sagristija tal-Katidral ta’ Melbourne fuq żewġ subien membri tal-kor u ieħor fuq allegazzjoni li mess tfal waqt li kienu qed jgħumu fi swimming pool.
Iżda t-tieni ġuri waqa’ wara li nstab li ma kienx hemm provi ammissibbli mil-liġi li setgħu jinġiebu fil-Qorti.
Il-ġuri dwar l-abbuż fis-sagristija tal-Katidral kellu jsir darbtejn billi l-ewwel darba l-ġurati ma setgħux jilħqu verdett ta’ ħtija. Għalhekk f’Novembru li għadda reġa’ beda dan il-ġuri u dan id-darba l-Kardinal instab ħati – b’verdett aċċettabbli skont il-liġi iżda mhux unanimu – u kien kundannat sitt snin ħabs. Hu appella minn din is-sentenza.
Stqarrija maħruġa minn kelliem tal-Kardinal wara s-sentenza qalet li “Il-Kardinal Pell hu diżappuntat b’din is-sentenza”. Żiedet tgħid li l-avukati tiegħu se jiflu s-sentenza biex jaraw jekk għandhomx jappellaw lill-Ogħla Qorti tal-Awstralja. L-istqarrija qalet li minkejja d-deċiżjoni ta’ 2-1 li sabitu ħati, hu jibqa’ jsostni l-innoċenza tiegħu. L-avukati issa għandhom 28 ġurnata biex jiddeċiedu jekk jappellawx.
Il-Konferenza Episkopali Awstraljana
Il-President tal-Konferenza Episkopali Awstraljan, l-Arċisqof Mark Coleridge ukoll ħareġ stqarrija wara li tħabbar il-verdett.
Hu qal li l-Isqfijiet Awstraljani jemmnu li kull ċittadin Awstraljan hu indaqs quddiem il-liġi u għalhekk jaċċettaw id-deċiżjoni tal-Qorti. Filwaqt li jirrikonoxxu li “il-proċess twil u l-appell fil-każ tal-Kardinal Pell”, kienu mumenti diffiċli għal dawk li sofrew xi abbuż minn membri tal-kleru, jifhmu wkoll li s-sentenza tal-Qorti tal-Appell “se ġġib dispjaċir għal ħafna“.
L-Arċisqof ta’ Melbourne
L-Arċisqof ta’ Melbourne, Mons. Peter Consoli qal fi stqarrija li jirrispetta d-deċiżjoni tal-Qorti u nkoraġġixxa lil kulħadd biex jagħmel l-istess. Hu rrikonoxxa “kemm hi ħaġa kumplikata t-tfittxija għall-verità” fil-każ tal-Kardinal Pell u qal li “l-ħsibijiet u t-talb tiegħu huma għal dawk li ressqu l-każ quddiem il-Qorti”.
L-Arċisqof qal li kien lest joffri għajnuna pastorali u spiritwali lil min ressaq il-kawża, jekk dan jitlob l-għajnuna filwaqt li assigura li l-Kardinal Pell “se jingħata għajnuna spiritwali u pastorali waqt li jservi l-bqija tas-sentenza ta’ ħabs”.
L-Arċisqof ta’ Sydney
L-Arċisqof Anthony Fisher ta’ Sydney fir-reazzjoni tiegħu qal li d-deċiżjoni ta’ 2-1 tal-Qorti tal-Appell taqbel mal-fehmiet maqsuma tal-ġurati fiż-żewġ ġurijiet li saru dwar il-każ u taqbel ukoll mad-diverġenzi fl-opinjoni ta’ esperti u kummentaturi legali u tal-pubbliku in ġenerali.
Hu appella biex kulħadd iżomm il-kalma u komportament ċivili filwaqt li assigura li hu personalment u d-djoċesi ta’ Sydney se jagħmlu dak kollu possibbli biex “jassiguraw li r-reati tal-passat ma jkunu qatt ripetuti u li l-ambjent tal-Knisja joffri l-akbar sigurtà għat-tfal u persuni vulnrabbli”.
Ir-reazzjoni tas-Santa Sede
Id-Direttur tal-Uffiċċju Stampa tal-Vatikan fi stqarrija għaraf “id-deċiżjoni tal-Qorti li ċaħdet l-appell tal-Kardinal Pell”. L-istqarrija rribattiet li l-Kardinal Pell dejjem baqa’ jinsisti fuq l-innoċenza tiegħu.
L-istqarrija kkonkludiet billi kkonfermat li s-Santa Sede hi “qrib il-vittmi tal-abbużi sesswali u hi impenjata li permezz tal-awtoritajiet ekkleżjastiċi kompetenti, tieħu passi kontra dawk il-membri tal-kleru li jikkommettu abbużi bħal dawn.