Real Madrid jitilfu kontra CSKA Moscow

CSKA Moscow ħasdu lil Real Madrid b’rebħa ta’ 1-0 fil-Luzhiniki Stadium. Il-midfielder Kroat Nikola Vlasic, li jinsab b’self mal-klabb Russu mingħand Everton, poġġa lil CSKA Moscow fil-vantaġġ wara żewġ minuti. Il-plejer ta’ 20 sena ġera bil-ballun lejn il-lasta ta’ Real Madrid u b’xutt għeleb lil Keylor Navas.

It-tim Spanjol, li kien mingħajr Sergio Ramos, Gareth Bale u Isco, laqat il-lasta darbtejn iżda dan il-grupp ta’ plejers immexxi minn Julen Lopotegui ma rnexxilux jikseb il-gowl tad-draw. Real Madrid naqsu milli jirbħu l-aħħar tliet logħbiet tagħhom u issa għandhom l-istess punti daqs AS Roma li rebħu bl-iskor ta’ 5-0 kontra Viktoria Plzen.