Real Madrid interessati f’ Icardi

L-attakkant ewlieni ta’ Inter Milan jista’ jkun li jinsab fi triqtu lejn Real Madrid hekk kif il-President Florentino Perez ikompli jfittex is-sostitut ta’ Cristiano Ronaldo. Mauro Icardi skurja 53 gowl fl-aħħar żewġ staġuni tiegħu man-Nerazzurri u huwa marbut mal-klabb Taljan bi klawżola ta’ £98m. Minkejja l-wirjiet pożittivi tiegħu ma’ Inter, Icardi tħalla barra mit-tim Arġentin li ħa sehem fit-Tazza tad-Dinja.

Real Madrid għandhom bżonn attakkant ġdid wara li Ronaldo temm esperjenza ta’ 9 snin fil-Bernabeu billi mar ma’ Juventus. Kien hemm ukoll interess f’Kylian Mbappe u f’Neymar iżda t-tnejn li huma stqarru li se jibqgħu ma’ Paris Saint Germain. Għalhekk Los Blancos jistgħu jinvestu l-flus li daħħlu mit-tluq ta’ Ronaldo sabiex jakkwistaw lil Icardi li għandu 25 sena.