Real Madrid ikeċċu l-Benítez u jaħtru lil Zidane fit-tmexxija

Real Madrid ħabbru li ħatru lil Zinedine Zidane bħala l-kowċ il-ġdid tagħhom ftit sigħat biss wara t-tkeċċija ta' Rafa Benítez.
Il-kowċ Spanjol eks-Napoli, kien ilu fit-tmexxija tal-Madrileni għal dawn l-aħħar seba' xhur.
Madankollu ir-riżultati negattivi li Real Madrid mhux imdorrijin bihom jidher li kienu ilhom jitfgħu il-pressjoni fuq Benítez.
Real Madrid bħalissa jinsabu fit-tielet post tal-klassifika tal-Liga Spanjola żewġ punti taħt Barcellona (li għandhom logħba inqas) u erba' punti taħt ir-rivali Atletico Madrid.
Il-kowċ il-ġdid, Zinedine Zidane kien diġà qed jikkowċja r-reserves team u din se tkun l-ewwel esperjenza għall-eksplejer Franċiż bħala headcoach ta' tim daqshekk prestiġġjuż.
Fl-ewwel kummenti tiegħu, Zidane wera ruħu ottimist li l-klabb se jġib ir-riżultati mixtieqa waqt li ammetta li jinsab eċitat illum iżjed minn meta ffirma bħala plejer mal-istess Real Madrid.