“Re” tat-traffikar tal-fjuwil arrestat fil-Libja

Il-Ministru għall-Intern tal-Libja kkonferma li ġiet arrestata persuna mlaqqma bħala “ir-re tat-traffikar”, li għal snin kien involut fit-traffikar illegali ta’ persuni u fjuwil, u għandu rabtiet ma' Malta.
Fahmi Salim Musa Bin Khalifa nqabad mill-Forzi Speċjali ta’ Deterrenza tar-RADA, entità bbażata fi Tipli li ssus wara kriminali ta’ dix-xorti.
Ġie rrappurtat li Bin Khalifa għandu sistema sħiħa ta’ rotot minn fejn jittraffika l-persuni u l-fjuwil, u għandu propjatejiet fl-Ewropa u investimenti fit-turiżmu.
Ir-RADA ddeskrivietu bħala manipulatur tal-assi Libjani u wieħed mill-akbar traffikanti ta’ fjuwil fil-Mediterran.
L-istqarrija tar-RADA tkompli tgħid li Bin Khalifa għandu wkoll proprjetajiet f’Malta u t-Turkija, u bħalissa qed jibni villaġġ turistiku f’Zuwara, il-belt minn fejn ġej.
Rapport tan-Nazzjonijiet Magħquda fl-2016 dwar Bin Khalifa jgħid li l-fjuwil kien qed jiġi ttraffikat f’bastimenti kbar mil-Libja għal Malta, u li t-traffikant għandu rabtiet ma’ negozju Malti, ADJ Limited.
F’dil-kumpanija, Bin Khalifa huwa sid bi sħab ma’ eksfutboler nazzjonali Malti, Darren Debono, u Eġizzjan.
Dwar dar-rapport, il-Ministru li dak iż-żmien kien għall-Intern, Carmelo Abela, kien qal li l-awtoritajiet dejjem investigaw dawn l-allegati każijiet ta’ traffikar.