Ray Ferris talab €40,000 sabiex kumpanija mexxija minn George Farrugia tirbaħ tender

George Farrugia qal lill-Pulizija li l-kap tal-proġetti tal-Enemalta Ray Ferris talab €40,000 sabiex il-kumpanija ta’ Farrugia tirbaħ tender.

George Farrugia huwa aġent lokali tal-kumpaniji taż-żejt Total u Trafigura, li ngħata l-maħfra presidenzjali biex jikxef informazzjoni dwar l-allegat korruzjoni fix-xiri taż-żejt.

Fil-Qorti qal li kien applika għal tender għax-xiri tas-sezzjoni tal-pitrolju tal-Enemalta, meta l-Gvern ħabbar il-pjan ta’ privatizzazzjoni.

Farrugia qal li kien jiftiehem ma Ray Ferris, li kien jaħdem fis-sezzjoni tal-pitrolju. Bejn l-2007 u l-2008, Ferris offra lill-Farrugia għajnuna fil-proċess ta’ privatizzazzjoni u talab is-somma ta’ €40,000 jekk Powerplan Ltd, li tagħha Farrugia kien CEO, tirbaħ it-tender. Talab ukoll rigali tal-fidda għall-erba’ membri tal-bord. Dawn ir-rigali kienu jiswew €2000 kull wieħed.

Ray Ferris qed jiċħad kull akkuża dwar l-involviment tiegħu f’korruzzjoni. Għall-ewwel ċaħad li rċieva rigali, iżda wara ammetta li rċieva rigali tal-fidda.