Ray Ferris: Is-seba’ persuna mressqa l-qorti b’rabta mal-każ taż-żejt

Ray Ferris ta’ 51 sena minn Tas-Sliema hu s-seba’ persuna li tressaq il-Qorti b’rabta mal-każ ta’ korruzzjoni tax-xiri taż-żejt mill-Enemalta.

Ferris, li fi ħdan il-korporazzjoni kien jokkupa l-kariga ta’ Kap tal-Proġetti wieġeb li mhux ħati ta’ korruzzjoni u bi trading influence.

L-Ispettur tal-Pulizija Angelo Gafà u li qed imexxi l-Prosekuzzjoni qal li r-reat li wettaq Ferris bejn l-2007 u l-2008 hu aggravat.

Minkejja li l-avukati ta’ Ferris talbu biex il-libertà proviżorja tirrifletti l-qagħda finanzjarja ta’ Ferris, peress li jinsab bla impjieg, il-Maġistrat Tonio Micallef Trigona iddeċieda li Ferris jingħata l-libertà proviżorja fuq depożitu ta’ €3,000 u garanzija personali ta’ €50,000.

Fil-jiem u l-ġimgħat li għaddew, il-Pulizija tellgħet il-Qorti sitt persuni oħra b’rabt ma’ dan il-każ: l-eks Kap Finanzjarju tal-Enemalta Tarcisio Mifsud, l-eks membru tal-kumitat tax-xiri taż-żejt Alfred Mallia, lill-eks Chairman tal-Enemalta Tancred Tabone, lill-konsulent tal-korporazzjoni Frank Sammut, lin-negozjant Tony Cassar tal-kumpanija Cassar Ship Repair u lid-direttur maniġerjali ta’ Virtu Ferries Francis Portelli.