“Rattab il-qlub minn tal-ġebel għal tal-laħam” – L-Arċisqof

Read in English.

Fit-talb tal-fidili waqt il-Quddiesa Solenni tal-Għid il-Kbir tal-Mulej, l-Arċisqof Charles Scicluna talab sabiex il-Mulej irattab il-qlub tal-ġebel tal-poplu u jagħmilhom qlub tal-laħam, fil-konfront tal-immigranti. Hu qal dan b’referenza kemm għall-immigranti li hawn jgħixu fil-pajjiż, kif ukoll għall-immigranti li jinsabu bejn sema u ilma bit-tama li jaslu għal ħajja aħjar.

L-Arċisqof talab ukoll għall-Papa Franġisku u l-amministraturi kollha tal-Knisja, għall-kapijiet tan-nazzjonijiet u dawk li jmexxu lill-popli, għal dawk li qed jaħdmu fil-qasam tas-saħħa b’mod partikolari b’rabta mal-COVID-19 kif ukoll dawk kollha morda.

Talab ukoll għall-Forzi tal-Ordni biex ikunu nies b’sens qawwi ta’ ġustizzja filwaqt li joffru sikurezza li tagħti paċi lil kulħadd. Talab għall-anzjani li minħabba s-saħħa tagħhom qed ikollhom jibqgħu magħluqin fi djarhom u fir-residenzi, irrefera għall-anzjani bħala teżor prezzjuż. Talab biex il-Mulej iħares liż-żagħżagħ li forsi qed isibuha diffiċli li joqgħodu d-dar, biex jagħtihom sens ta’ responsabbiltà soċjali. Talab ukoll għall-mejtin, partikolarment lil dawk li mietu mingħajr il-preżenza tal-qraba tagħhom minħabba ċ-ċirkustanzi preżenti.

“Il-Mulej qed isejħilna biex ngħafsu r-reset button”

L-Arċisqof Charles Scicluna sostna li propju llum, fil-festa tal-Għid il-Kbir, il-Mulej qed isejħilna biex ngħafsu r-reset button għal ħajja safja u sewwa.

Dan kien il-messaġġ ewlieni tal-omelija tal-Arċisqof waqt il-Quddiesa Solenni tal-Għid il-Kbir tal-Mulej. L-Arċisqof uża r-rakkont tal-Evanġelju tal-lum, biex jispjega dan il-messaġġ tiegħu. Qal li fi ftit kliem l-Evanġelju jitkellem dwar is-sorpriża ta’ Maria Magdalena meta żaret il-qabar ta’ Kristu u ma sabitux hemm. Jitkellem dwar il-ħeffa li bih din marret tgħid lill-Appostli Xmun Pietru u San Ġwann.

Sostna li jittama li f’dawn iċ-ċirkostanzi preżenti kulħadd jilqa’ l-istedina tal-Mulej li jwarrab kull ħmira qadima u jitrejjaq mill-ħobża bla ħmira tas-safa u tas-sewwa.