Rati ġodda għal kull min jibni mingħajr garaxxijiet

L-Awtorità tal-Ippjanar ħabbret li se tkun qed tibda fond ġdid bl-isem ta’ Green Transport Fund li se jiġi ffinanzjat minn tariffi li jridu jħallsu dawk l-iżviluppaturi li ma joffrux spazji ta’ parkeġġ fil-bini li jkunu qed jiżviluppaw.
Dan ħabbritu fi stqarrija fejn spjegat x'qed isir sabiex titjieb is-sitwazzjoni tat-trasport f’Malta u Għawdex.
Ir-rati reveduti qed jitolbu li żviluppatur li għandu garaxx ta’ karozza waħda li mhux qed jintuża mis-sit, jħallas €2,500. Jekk għandu żona li tesa’ bejn tlieta u disa’ karozzi li mhux tintuża fuq is-sit irid jagħti kontribuzzjoni ta’ €6,000 għal kull spazju ta’ karozza. Jekk l-ispazji jitilgħu għal aktar minn 10, l-iżviluppatur irid jikkontribwixxi €10,000 għal kull karozza.
Fir-regolamenti preċedenti stabbiliti fis-snin 90, ir-rati kienu aktar baxxi u kienu stabbiliti skont il-lokalitajiet.
L-Awtorità spjegat li ddeċidiet li ma tgħollix drastikament il-kontribuzzjoni ta’ spazji li fihom joqgħodu sa massimu ta’ żewġ karozzi. Il-prezz il-ġdid tela’ minn €2,096.43 għal €2,500.
Sostniet li din se tkun qed taħdem sabiex twaqqaf żviluppaturi milli jiddeċiedu li ma joffrux parkeġġ fuq is-siti tagħhom.
70% tal-flus iġġenerati se jmorru għall-fond tal-iżvilupp tal-lokalitajiet, filwaqt li t-30% l-oħra se jkunu direzzjonati għall-proposti tat-trasport favur l-ambjent bl-isem ta’ Island-wide Green Transport Fund (IGTF).
L-Awtorità spjegat li l-fond se jkun miftuħ għal kulħadd fuq bażi kompetittiva, inkluż ministeri, dipartimenti, kunsilli lokali, għaqdiet mhux governattivi, is-settur privat u individwi privati. L-Awtorità se tkun inkarigata milli tagħżel l-aħjar proġetti proposti.
“Aħna ma ġejniex ikkonsultati” – Kamra tal-Periti
Il-Kamra tal-Periti spjegat kif l-Awtorità tal-Ippjanar għal darboħra ħadet deċiżjoni mingħajr ma kkonsultathom, liema deċiżjonijiet daħlu fis-seħħ jumejn biss wara li tħabbru.
Fi stqarrija, il-Kamra tal-Periti rreferiet għall-iskema bħala waħda li qed tiġġenera dħul goff.