Rata baxxa ta’ każijiet turi li Malta qed iżżomm il-Covid-19 taħt kontroll – Fearne

Chris-Fearne
Miguela Xuereb

Read in English.

Il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qed iqis il-proporzjon relattivament baxx ta’ testijiet pożittivi għall-Covid-19 f’Malta bħala prova li l-pajjiż qed iżomm il-pandemija taħt kontroll.

Madankollu, statistika miċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC) tissuġġerixxi li proporzjon baxx ta’ testijiet pożittivi ġej l-aktar mill-fatt li Malta għandha waħda mill-ogħla rati ta’ ttestjar fl-Unjoni Ewropea. Min-naħa l-oħra, il-proporzjon ta’ każijiet pożittivi f’Malta issa qiegħed minn tal-aħħar fost is-27 pajjiż tal-Unjoni Ewropea.

Fl-aħħar ġimgħat, il-każijiet tal-coronavirus għolew f’diversi pajjiżi, filwaqt li f’Malta, dawn baqgħu fil-maġġorparti stabbli.

L-aħħar statistika mill-ECDC turi li Malta wettqet 4,194 test għal kull 100,000 persuna. Qabel Malta kien hemm il-Lussemburgu (12,880), Ċipru (9,068) u d-Danimarka (8,658). F’erba’ pajjiżi fl-UE saru inqas minn 1,000 test għal kull 100,000 persuna. Dawn il-pajjiżi kienu r-Rumanija, Franza, il-Bulgarija u l-Polonja.

3.36% tat-testijiet tal-Covid-19 f’Malta ħarġu pożittivi. Din hi l-ħames l-aktar rata baxxa fl-UE: l-iżjed baxxa ta’ 1.73% kienet tad-Danimarka, filwaqt li l-ogħla rata kienet ta’ 48.6% fil-Polonja.

It-tmien l-iżjed rata baxxa ta’ każijiet

Fl-aħħar ġimagħtejn, Malta kellha 305.7 każijiet għal 100,000 persuna. Il-pajjiżi li kellhom rata aħjar minn ta’ Malta kienu sebgħa. Fi tliet stati membri tal-UE, il-Lussemburgu, il-Kroazja u l-Litwanja, l-għadd ta’ każijiet ġodda għal kull 100,000 persuna jaqbeż l-1,000, u dan ifisser li 1% tal-popolazzjoni kollha ġiet infettata fl-aħħar ġimagħtejn.

L-Irlanda huwa l-uniku pajjiż fejn l-għadd ta’ każijiet ġodda għal kull 100,000 persuna hu inqas minn 100, b’75.2 każ.

Madankollu, ir-rata ta’ mewt f’Malta hi ogħla milli jixhed l-għadd ta’ każijiet ġodda, peress li Malta għandha rata ta’ 8.9 imwiet għal kull 100,000 persuna f’temp ta’ ġimagħtejn. Ir-rata ta’ Malta hija s-16 l-ogħla rata fl-UE.

L-ogħla proporzjon ta’ mwiet bil-Covid-19 qed jinstab fis-Slovenja, fil-Bulgarija u fl-Ungerija. L-iżjed proporzjon baxx, imbagħad, qed jinstab fil-Finlandja, fl-Irlanda u fid-Danimarka.

Il-Prim Ministru Robert Abela sikwit qal li f’Malta, is-sitwazzjoni tal-Covid-19 hija taħt kontroll.