“Rashford straordinarju” – goal.com

Is-sit Ingliż goal.com faħħar il-wirja tal-attakkant żagħżugħ ta’ Manchester United Marcus Rashford wara li skorja doppjetta f’temp ta’ 11-il minuta fir-rebħa li kellu t-tim tiegħu fuq ir-rivali Liverpool bl-iskor ta’ 2-1.
Dan l-istess sit b’mod ironiku ta titlu lil dan l-artiklu billi qal li Rashford għallem kif għandek tiskorja l-gowls lill-attakkanti avversarji Sadio Mane, Roberto Firmino u Mohammed Salah. Dawn tal-aħħar ma rnexxielhomx isibu x-xibka meta ġew miżmuma sew mid-difensuri tar-Red Devils.
Kummenti fil-midja soċjali faħħru sew il-wirja tal-plejer ta’ 20 sena fejn saħansitra bdew jgħidu illi fl-aħħar ta’ din is-sena ħaqqu wkoll jieħu l-ballun tad-deheb.
Rashford iddebutta mat-tim tal-kbar ta’ Manchester United fl-eta ta’ 17-il sena u dawn iż-żewġ gowls tal-bieraħ tellgħulu t-total magħhom għal 16-il gowl f’70 dehra.