Il-Kumitat tal-PE għar-reati finanzjarji jistaqsi għala Mizzi u Schembri għadhom ma tkeċċewx

Ir-Rapreżentant Permanenti Malti fi Brussell, Daniel Azzopardi, ġie mistoqsi għalfejn fost affarijiet oħra l-Ministru Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri żammew posthom wara dak li ġie żvelat fil-Panama Papers.

Il-Kumitat tal-Parlament Ewropew għar-reati finanzjarji kiteb lil Azzopardi, wara dak li ġie żvelat dwar 17 Black f’ittra taż-żewġ paġni mimlija mistoqsijiet.

Il-Kumitat innota li minkejja kien hemm l-Oppożizzjoni li fetħet numru ta’ inkjesti wara li kienu ġew ippubblikati l-Panama Papers jidher li hemmx indikazzjonijiet li hemm investigazzjoni għaddejja dwar dak li ġie żvelat fil-Panama Papers.

L-inzjattiva kienet deċiża mill-koordinaturi tal-Kumitat u kellha l-appoġġ tal-Ħodor fil-Parlament Ewropew.

Dan qalu l-Ewroparlamentari Ġermaniż għall-Partit tal-Ħodor Sven Giegold fuq is-sit tiegħu.

Fuq is-sit tiegħu Giegold saħaq li l-mistoqsijiet iebsa li saru mill-Parlament Ewropew huma ġġustifikati. Sostna li kienet bla preċedent li uffiċjali għolja jżommu posthom minkejja li kien hemm indikazzjonijiet ta’ prattiċi korrotti.

Fl-ittra mibgħuta lil Azzopardi huwa ġie mistoqsi jekk hemm xi spjegazzjoni għalfejn twaqqfu dawn l-istrutturi finanzjarji u l-garanziji li ngħataw dwar pagamenti regolari ta’ €150,000. Jekk ittiħdietx azzjoni fil-konfront ta’ Nexia BT mill-Aġenzija tal-Gvern kontra l-ħasil ta’ flus jew jekk ingħatatx multa. Staqsew ukoll jekk ittiħdetx azzjoni fil-konfront ta’ Karl Cini li huwa l-Uffiċjal kontra l-ħasil ta’ flus fi ħdan in-Nexia BT minħabba li żamm informazzjoni mill-FIAU?  Staqsew ukoll għalfejn Cini għadt għandu l-warrant biex jaħdem.

Rigward ir-rapport li ġie ppubblikat mill-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali, il-Kumitat saqsa jekk ittiħditx azzjoni biex tiġi investigata l-possibilità ta’ ksur ta’ proċeduri pubbliċi bbażat fuq dak li ġie żvelat fuq 17 Black u r-rapport tal-NAO.

Fost affarijiet oħra saqsew jekk hemmx investigazzjoni kriminali mmexxiha mill-Pulizija fil-konfront ta’ Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri.

Aqra l-ittra sħiħa hawn.