Rappreżentanza ċkejkna minn kull parroċċa għaċ-ċelebrazzjoni ta’ Kristu Re

L-Arċisqof Charles Scicluna flimkien mal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi qegħdin jistiednu rappreżentanza ċkejkna minn kull parroċċa għaċ-ċelebrazzjoni ta’ Kristu Re nhar il-Ħadd li ġej.

Din iċ-ċelebrazzjoni tibda fil-5pm bit-talba ta’ filgħaxija fil-Bażilika Minuri ta’ Kristu Re f’Raħal Ġdid. L-Arċisqof se jkun qiegħed iwassal il-messaġġ tiegħu u jagħti l-barka sagramentali. Għal min huwa interessat, se jiġi offrut is-servizz tal-qrar qabel il-ċelebrazzjoni u wara se jkun hemm quddiesa.

Minħabba l-miżuri kontra l-imxija tal-Covid-19 u r-restrizzjonijiet ta’ spazju, huwa mitlub biex dawn interessati li jattendu jinformaw lill-kappillan tagħhom mill-aktar fis.

Din iċ-ċelebrazzjoni se tixxandar fuq Knisja.mt kif ukoll Newsbook.com.mt.