Rappreżentanti tal-Istat u tal-Knisja se jiddiskutu l-aħħar Enċiklika tal-Papa

Il-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent qed torganizza konferenza fuq jumejn, imnebbħa mill-enċiklika tal-Papa Franġisku, Laudato Sì.
Bit-tema “Laudato Sì: mid-Dokument għall-Azzjoni”, fil-konferenza se jieħdu sehem rappreżentanti tal-Istat u tal-Knisja li qed jiġu mistiedna jiddiskutu, u possibilment jimpenjaw ruħhom, fi proposti konkreti ispirati mill-Enċiklika.
L-ewwel sessjoni se tkun il-Ġimgħa 4 ta’ Diċembru fl-Istitut Kattoliku, il-Furjana, fis-6pm, u tkompli l-għada, is-Sibt 5 ta’ Diċembru, fil-Kurja tal-Isqof, ir-Rabat, Għawdex fid-9.00am.
Il-Kummissjoni għarrfet li fiż-żewġ sessjonijiet se jkun hemm trażmissjoni bi Skype, biex min ma jkunx jista’ jaqsam il-fliegu jkun jista’ xorta waħda jieħu sehem.
Il-Kummissjoni ħeġġet lil min jixtieq tagħrif jew irid jibbukkja post, biex jikkuntattjaha fuq 79070357 jew 21380540, inkella b’email fuq ambjent@maltadiocese.org